Wednesday, July 16, 2025

Ngħiduha kif inhi

Aqra wkoll

Ix-xena politika dan is-sajf ma tantx tidher li se tieħu vaganza l-aktar fin-naħa tal-Partit Nazzjonalista. It-tellieqa għall-kap tal-partit se tkun fl-aqwa tagħha fl-eqqel tas-sajf meta normalment in-nies ikunu aktar moħhom fix-shut down, fil-vaganzi,fil-festi u dak kollu li jġib miegħu s-sajf Malti. 

Hija elezzjoni li fiha, għall-ewwel darba fl-istorja politka ta’ pajjiżna, persuna li kienet sfiduċjata minn kap tal-partit ftit tas-snin ilu qed terġa’ tikkandida ruħha għall-istess karga. Kulħadd jiftakar iċ-ċirkostanżi li fihom Adrian Delia kien tneħħa minn kap tal-PN. Grupp magħruf bħala l-blue ħeroes kienu raw kif jistigaw elezzjoni mill-ġdid fost it-tesserati minkejja li kien elett mill-membri b’riżultat b’saħħtu mill-istess tesserati tal-PN. B’hekk Adrian Delia se jkun ikkontesta għall-kariga ta’ kap tlett darbiet f’inqas minn 10 snin. 

Ix-xemx minn filgħodu turik 

Il-bidu ta’ din il-kampanja kienet karatterizzata bi kwistjoni li mill-ewwel uriet sinjali ta’ diżgwid. Adrian Delia u Alex Borg li kienu magħrufa bħala żewġ persuni midħla sewwa ta’xulxin, jingħad li kien hemm xi forma ta’ ftehim li ma jikkontestawx lil xulxin. Borg jgħid li ma kienx hemm u Delia jinsisti li jgħid il-verita jiġifieri li kien hemm ftehim. L-attakki sottili u inqas sottili bdew mill-ewwel bejn iż-żewġ fazzjonijiet taż-żewġ kontestanti. 

Jidħer li dan wassal biex il-Kummissjoni Elettorali tal-PN tiddeċiedi li tagħmel sarima ma ħalq iż-żewġ kontestanti. Ħarġu reġoli biex ma jsemmux lil xulxin u ma tantx jidher li hemm ħeġġa biex jitħallew jiddibattu lil xulxin. Deċiżjoni li anke l-Istitut tal-Ġurnalisti ikkundanna. 

Interessanti li dan kollu qed jiġri meta ż-żewġ kandidati urew l-interess biex jikkontestaw u sal-ħin li qed jinkiteb dan l-artiklu ma jidħirx li l-kummissjoni elettorali kienet għadha ħarġet pożizzjoni jekk il-kandidatura ta’ dawn it-tnejn kienetx aċċettabbli jew le. 

Kontra kull sens 

Il-PN jiftaħar li ħuwa l-partit tal-pluraliżmu fix-xandir u tal-liberta tal-espressjoni, iżda d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu qed juru xejriet differenti. B’mod illoġiku u tista’ tgħid kontra kull sens, Alex Borg u Adrian Delia ġew ordnati biex ma jkollhomx intervisti mill-istazzjonijiet ONE. B’mod mill-aktar selettiv u diskriminatorju saret din id-deċiżjoni wara li Delia kien stieden lil One għal attività tiegħu. 

Wieħed jistaqsi x’sens tagħmel deċiżjoni bħal din? Jiġifieri l-One se jagħmel mistoqsijiet li jistgħu ikunu imbarazzanti jew meqjusa diffiċli aktar mill-media indipendenti? 

Il-kritika għal din id-deċiżjoni hija waħda wiesgħa u mhux biss minn esponenti tal-Partit Laburista. Anke attivisti Nazzjonalisti qed jaraw li l-impożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni min-naħa tal-PN tkun kontra l-ispirtu ta’ dak li l-PN suppost jemmen fih. 

Ritratti u filmati

S’issa l-kampanja kienet waħda miżgħuda b’ritratti u filmati u produzzjonijiet għal fuq il-mezzi soċjali. Tettattivi biex il-kandidat jidher tajjeb kemm jista’ jkun u jiġi ppreżentat materjal li jimxi fuq il-mezzi soċjali. Qisu l-interess huwa li wieħed jikseb il-likes u paġni tal-mezzi soċjali li jattiraw following akbar. 

Wieħed jifhem li dan qisu t-trend li nħakmet bih il-politika u mħux xi sitwazzjoni iżolata. Jekk wieħed jara kampanji anke barra minn Malta tinnota kemm il-preżentazzjoni saret ferm aktar importanti mill-kontenut u s-sustanza. Anke dak li jingħad, sar jingħad biex jattira l-attenzjoni u fil-kakofonija u informazzjoni ma taqta xejn fuq social media, wieħed irid jara kif jiġbed l-attenzjoni aktar milli wieħed jara x’ se jgħid u x’inħu l-effett ta; dak li se jgħid. 

Kampanja li ma tantx tispira 

In-nuqqas ta’ viżjoni li s’issa deher f’din il-kampanja għall-kap tal-PN hija ċara ħafna. S’issa ma tantx għadna rajna ideat konkreti dwar id-direzzjoni li se jkunu qed jagħtu iż-żewġ kandidati lill-PN jekk jiġu eletti. Ma tantx għadhom spjegaw id-differenza għaliex it-tesserati għandhom jagħżlu lil wieħed u mhux lill-ieħor. 

Apparti l-viżjoni u d-direzzjoni għall-PN, dawn iż-żewġ persunaġġi li għażlu li jikkontestaw għall-Kap tal-PN iridu jispjegaw b’mod ċar u konkret il-viżjoni tagħhom għall-pajjiżna. Il-kariga ta’ Kap tal-PN mhux xi kariga amministrattiva kif jitmexxa l-Partit imma hija kariga li se twassal biex jintagħżel il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid u min fl-elezzjoni li ġejja se jippreżenta lil PN bħala gvern alternattiv. 

Mhijiex elezzjoni bħall-oħrajn

L-elezzjoni ta’ kap tal-partit mhijiex elezzjoni ta’ partit biss. Mhijiex elezzjoni ta’ għaqda li qed tagħżel il-president tagħħa bħal ma jsir f’kull organizzazzjoni. Hija elezzjoni li se tiddefinixxi d-dibattitu politiku ta’ pajjiżna fi-żmien li ġej. Se tiddefinixxi kif se jkun id-dibattitu fl-elezzoni ġenerali li jmiss u t-tip ta’ diskussjoni fil-Parlament mill-ħatra tal-kap il-ġdid sal-elezzjoni ġenerali. 

Minn dak li rajna s’issa ma jidhirx li hemm wisq bidla mill-PN kif rajnih fl-aħħar snin. Inkomplu nsegwu kif din il-kampanja se tiżvolġi.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport