Fl-aħhar jiem ħarġet statistika dwar il-popolazzjoni ta’ pajjiżna. Iċ-ċifri juru biċ-ċar li f’pajjiżna, il-popolazzjoni kibret b’mod konsiderevoli bil-wasla ta’ numru sostanzjali ta’ barranin li ġew jaħdmu f’pajjiżna. Minkejja li għandna popolazzjoni li qed tikber, ir-rata tat-twelid tat-tfal minn koppji Maltin qed tirreġistra aktar tnaqqis.
Iż-żewġ fatturi, kemm il-wasla ta’ aktar barranin fostna kif ukoll it-tnaqqis fir-rata ta’ twelid ta’ tfal ta nisel Malti, it-tnejn għandhom l-impatt tagħhom. L-effett ta’ dawn iż-żewġ fatturi se jkun qed jidher b’mod aktar aċċentwat fis-snin li ġejjin.
Imma f’dan l-artiklu hemm numru ta’ kwistjonijiet importanti li għalihom se ssir riferenza f’dan ir-rigward.
Ġew il-barranin għax kibret l-ekonomija
Il-wasla ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna huwa riżultat ta’ ħtieġa ta’ ħaddiema aktar milli jistgħu jinstabu f’pajjiżna għaliex pajjiżna għandu ekonomija li qed toħloq aktar postijiet tax-xogħol. L-ekonomija ma kibritx għax ġew persuni barranin fostna imma l-ħaddiema barranin ġew fostna għax l-attività ekonomika kienet teħtieġ li jinġiebu ħaddiema barranin.
L-argument li jsir mill-PN li l-ekonomija kibret għaliex ġew il-barranin huwa żbaljat. Ebda ħaddiem barrani ma jitlaq minn art twelidu biex imur għax-xogħol f’pajjiż ieħor jekk mħux għax jaf li se jsib ix-xogħol fl-art li sejjer fiha.
Il-wasla tal-ħaddiema barranin
Il-ħaddiema barranin li qed jaslu f’pajjiżna qed jiġu wara proċessi biex jingħataw permessi tax-xogħol biex jinġiebu ħaddiema barranin. L-attività ekonomika ta’ pajjiżna li qed toħloq ġid kbir waslet biex jinħolqu postijiet tax-xogħol li jridu jimtlew b’ħaddiema barranin għax ħaddiema Maltin m’hawnx biżżejjed.
Pajjiżna mhux qed ikolllu wasliet ta’ persuni barranin li jaslu f’Malta b’mod irregolari. Id-dgħajjes li kienu jaslu f’Malta b’persuni li qed ifittxu refuġju fl-Ewropa illum saru ħaġa tal-passat grazzi għall-ħidma li wettaq il-gvern fl-aħhar snin. Mela ħadd ma jista’ jgħid li l-popolazzjoni qed tikber għaliex qed jaslu persuni b’mod irregolari.
Dan ifisser li ż-żieda li kellna fil-popolazzjoni hija marbuta mal-fatt li l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet qed tagħmel suċċess u ġibdet lejha l-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema barranin biex iwettqu xogħol li huwa meħtieġ li jsir fl-ekonomija tagħna li rreġistrat suċċess wara l-ieħor fit-tkabbir ekonomiku.
Iż-żieda tal-popolazzjoni għandha l-effetti tagħha
Huwa fatt li pajjiż li jara tkabbir fil-popolazzjoni, dan se jkollu effett. L-effetti ħuma varji iżda huma effetti li jistgħu jiġu indirizzati sakemm is-sitwazzjoni tkun immaniġġjata b’kawtela u bi ħsieb. L-ewwel ħaġa li qed jagħmel il-gvern huwa li r-regolamenti attwali qed jiġu riveduti biex ikun aċċertat b’mod aħjar li min verament hemm ħtieġa tax-xogħol tiegħu jiġi Malta. Il-Labour Migration Policy se tkun qed tħalli l-impatt tagħha.
Il-preżenza ta’ popolazzjoni akbar ftit jew wisq toħloq attività ekonomika fiha nnifisha għaliex kull min jiġi Malta se jkun qed jikkonsma u jagħmel infieq għall-ħtiġjiet tiegħu. Kulħadd irid jiekol, kulħadd irid ikollu fejn joqgħod u min ikun resident b’mod regolari f’Malta se jkun konsumatur ta’ oġġetti u servizzi f’pajjiżna. Dan minnu nnifsu joħloq impatt ekonomiku pożittiv mil-lat ta’ konsum.
Minkejja dan, ħadd ma jista jasal għall-konklużjoni li l-ekonomija kibret għax żdiedet il-popolazzjoni. Huwa x-xogħol li wassal għal dan it-tkabbir u minn dan ix-xogħol u tkabbir il-ġid f’pajjiżna qed ikompli jikber.
It-triq ’il quddiem
Pajjiżna jeħtieġ li jibqa’ jkollu suċċess ekonomiku. Jeħtieġ li pajjiżna jibqa’ jirreġistra tkabbir ekonomiku u joħloq il-ġid. Jekk ma noħolqux il-ġid f’pajjiżna, dak li qed ingawdu minnu llum se jkun diffiċli li nsostnuh. Ngħiduha kif inhi, biex tqassam il-ġid, l-ewwel trid tara li toħloq il-ġid. Gvern Laburista jibqa’ kommess li jara li f’pajjiżna jibqa’ jinħoloq il-ġid u fuq kollox li l-ġid irid jasal għand kulħadd.
Fiż-żmien li ġej, anke fid-dawl tal-esperjenza li kiseb pajjiżna tul dawn l-aħhar għaxar snin ta’ tkabbir ekonomiku, hemm il-ħtieġa li pajjiżna jagħżel b’mod aħjar liema attivitajiet ekonomiċi hemm bżonn li nsaħħu u dawk li hemm bżonn naġġornaw. Dan irid isir fid-dawl tal-impatti li ġabet u ġġib magħha kull attività ekonomika f’pajjiżna.
Jeħtieġ li pajjiżna ikun attraenti għal aktar attivitajiet li huma capital intensive aktar milli labour intensive u dan bil-għan li fil-waqt li li jkollna andament ekonomiku dejjem aktar b’saħħtu, il-ħtieġa ta’ numru dejjem akbar ta’ ħaddiema barranin tiġi indirizzata.
Pajjiżna għandu potenzjal mill-aqwa biex jibqa’ jagħmel suċċess. L-għarfien vera ta’ x’kienu r-raġunijiet tas-suċċess ekonomiku jagħtina stampa aktar ċara għalfejn nistgħu inkomplu nirnexxu. It-tfittxija ta’ titjib fil-mod kif nibqgħu naċċertaw dan is-suċċess fiż-żmien li ġej se jagħtina aktar raġuni biex inbiddlu fejn meħtieġ u niżġuraw suċċess aqwa fiż-żmien li ġej.