Wednesday, July 30, 2025

Ngħiduħa kif inhi

Aqra wkoll

Tradizzjoni Maltija li tiddistingwina minn pajjiżi oħra hija l-festa Maltija. Il-festa, avveniment iċċelebrat f’kull belt u raħal li ta’ kull sena toħloq stennija. Hija riżultat ta’ ħafna ħidma magħmula b’dedikjazzjoni minn numru kbir ta’ nies li jissagrifikaw mill-ħin tagħhom biex jaraw li tkun festa ċċelebrata bl-aħjar mod. 

Il-festa għandha oriġini reġijuż. Id-dedikazzjoni tal-knejjes kif wkoll devozzjonijiet varji wasslu biex fl-ibliet u l-irħula jiġu ċċelebrati l-festi b’għan purament reliġjuż. Il-festa fil-parti ta’ ġewwa l-knejjes tagħna għandħa tradizzjonijiet u aspett ta’ arti kemm dak viżiv kif wkoll mużikali qawwi ħafna. L-armar u tiżjin ġewwa l-knejjes li sar matul is-snin, il-mużika rikka li nkitebet għal orkestri u korijiet huma prova ta’ kemm il-festa fil-knisja hija xhieda ta’ kemm il-kommunità riedet dejjem tagħmel l-isbaħ u l-aħjar. 

Il-festa Maltija, minn dik reliġjuża evolviet għal dik esterna. Festa li tat ħajja lil diversi organizazzjonijiet oħra bħal ngħidu aħna il-każini tal-banda, il-fratellanzi, l-għaqdiet tal-armar kif wkoll il-fabbriki tan-nar. Għalkemm dawn l-għaqdiet għandhom ħajja għalihom, tista’ tgħid li kienet il-festa li xprunat lill-fundaturi ta’ dawn l-għaqdiet biex jibdew dawn l-organizazzjonijiet li llum hemm minnhom li ilhom imwaqqfa aktar minn mitt sena. 

Id-dedikazzjoni għall-festa tista’ tidher mill-entużjażmu li jinħoloq minn dawk li b’saġrifiċċju personali jiddedikaw ħin u enerġija biex jaraw li dan l-avveniment annwali iseħħ sena wara sena. Tista’ tgħid li l-għada tal-festa, min ikun involut jerġa jibda jaħseb biex jibda jaħdem għall-festa tas-sena ta’ wara. Ritwal kontinwu ma jaqta xejn li għadda minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. 

Bis-saħħa ta’ dan kollu, matul is-snin, bl-għajnuna finanzjarja u ġenerożità ta’ bosta, inħolqu bosta biċċiet tal-arti, inkitbu bosta biċċiet ta’ mużika, ħafna tagħllmu l-mużika, oħrajn snajja marbuta u llum pajjiżna wkoll huwa meqjus bħala destinazzjoni marbuta ma’ spettakli tan-nar li jilħaq livelli għolja internazzjonalment.

Ir-rakkont tal-oriġini tal-festa ħuwa importanti biex nifħmu minfejn bdejna u x’ħallewlna missirijietna tul is-snin. Imma naħseb li kull min huwa involut fil-qasam tal-festi jeħtieġ li jibda’ jistaqsi ftit mistoqsijiet importanti dwar il-futur tal-festi f’pajjiżna. Nafu eżattament fejn wasalna sal-lum u r-rikonoxximent li kisbet il-festa fuq livell internazzjonali. Iżda huwa importanti li nistaqsu kif se nħarsu dan il-wirt u kif se nippreżervaw il-festa imma mħux bħala avveniment pubbliku kwalinkwe iżda bħala avveniment li jirrispetta l-valur u t-tradizzjonijiet kollħa li welldu dan il-wirt nazzjonali. 

Bosta jiddiskutu aspett li huwa fundamentali għall-festi – il-volontarjat. Il-festi jiddependu mill-volontarjat u kemm se jkun hemm nies li jagħtu mill-ħin tagħhom biex ikunu parti mill-organiżazzjoni tal-festa. Il-futur tal-festi ma jiddipendix biss fuq il-finanżjament li jiksbu l-għaqdiet u orġanizazzjonijiet marbuta mal-festi imma jiddependu fuq kemm nies se jkunu lesti li jibqgħu jagħtu l-aqwa tagħhom biex isiru l-festi. 

Matul l-aħħar snin, il-gvern wettaq diversi iniżiattivi importanti biex il-festa tiġi imħarsa. Saru diversi skemi, ingħataw kontribuzzjonijiet kbar u ġew iffinanzjati bosta proġetti u iniżjattivi li ħallew impatt pożittiv. Iżda l-festa ma ssirx bil-flus biss. Il-festa ssir bl-impenn ta’ ħafna nies. 

Dan huwa fattur li jrid ingħata importanza ferm akbar. Jeħtieġ li l-għaqdiet involuti mhux b’inqas l-Għaqda Każini tal-Banda u l-Għaqda Pirotekinika iduru dawra sewwa magħhom infushom u mal-għaqdiet kollha affiljati magħhom u jistaqsu mistoqsijiet pertinenti biex wieħed jifhem kif il-festi se jibqgħu parti mit-tradizzjonijiet tagħna fil-futur. 

Għandu jkun hemm sinerġija sħiħa bejn l-Għaqdiet involuti fuq naħa u l-Knisja fuq in-naħa l-oħra biex ikun żgurat l-Festa Maltija kif nafuha llum tibqa’ żżomm l-awtentiċità tagħha u ma tiddevjax wisq minn dak li tradizzjonalment sawwarha. 

Il-Każini tal-Banda, l-għaqdiet pirotekniċi u l-għaqdiet tal-armar għandhom rwol importanti ħafna x’jaqdu f’dan l-aspett. Iridu jkunu huma li jkomplu jsaħħu l-bażi tal-volontarjat tagħhom ħalli jkollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex fl-aktar mumenti importanti tat-tħejjijiet għall-festi, isibu lil min jagħti sehmu fix-xogħol li jkun irid isir. 

Iridu jkunu wkoll il-Każini tal-Banda li jkomplu jkabbru l-imħabba lejn il-mużika, u partikolarment lejn il-mużika tal-baned, fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar billi jħajru aktar tfal jersqu lejhom biex jitgħallmu l-mużika. B’hekk ikun żgurat li l-Banda u l-Marċi tal-Festi jibqgħu ikunu pilastru ewlieni fiċ-ċelebrazzjoni tal-Festa Maltija.

Bis-sehem ta’ kulħadd, il-Festa Maltija għandha tibqa’ tradizzjoni ewlenija li titgawda bl-aqwa mod mhux biss mill-Maltin u l-Għawdxin iżda wkoll mill-eluf ta’ turisti li jżuruna u li jitpaxxew b’dan il-wirt kbir li ħallewlna missirijietna, li għandna tant ngħożżu u nibżgħu għalih. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport