Is-sajf ta’ din is-sena se jibqa’ mfakkar li r-ritmu politiku kien wieħed aktar għoli minn ta’ snin oħra. Il-Parlament ilu ħafna ma jibqa’ għaddej sal-bidu t’Awwissu u l-vaganzi tas-sajf se jintemmu f’nofs Settembru. Altru mill-bidu ta’ Ottubru kif normalment isir. Dan minnu nnifsu huwa xħieda ta’ attività parlamentari akbar mis-soltu.
Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf għall-ebda vaganzi. Fi ħdanu għaddejja tellieqa bejn żewġ kontestanti għall-kariga tal-Kap tal-Partit. Ir-riżenja ta’ Bernard Grech fetħet kapitlu li qed iwassal biex tnejn meqjusa alleati ta’ xulxin fil-partit qed jikkontestaw lil xulxin. Wieħed biex jerġa’ jieħu t-tmexxija mill-ġdid f’idejh u ieħor li qed juri li għandu jmexxi hu l-Partit minkejja l-età żagħżugħa tiegħu.
Proposti bla sustanza
Hija elezzjoni li ma tidhirx li qed tispira wisq. Iż-żewġ kontestanti ma jidhrux li qed ikunu innovattivi fil-ħsieb tagħhom. Jirrepetu li jridu li l-Partit Nazzjonalista jirbaħ, jippruvaw iwasslu messaġġ medjatiku li huma qrib in-nies, imma hemm nuqqas serju ta’ ideat, ta’ viżjoni u proposti li wieħed jista’ jara sens ta’ innovazzjoni fil-ħsieb.
Iż-żewġ kandidati qed jirrepetu lista ta’ cliché li forsi b’mod populist jinstemgħu interessanti imma meta wieħed jifli jara li wara dan il-kliem ma hemmx wisq sustanza. Hemm inċidenzi wkoll li fihom il-kontestanti qegħdin jipproponu bħala proposti oriġinali tagħhom dak li l-Gvern diġà qiegħed iwettaq b’suċċess.
Bħal kull kampanja elettorali, kollox iwassal għal dik il-ġurnata li fiha dawk li huma intitolati għall-vot jagħmlu l-għażla tagħhom. Il-mistoqsija li qed issir hija xi kwalità ta’ PN se jkun hemm wara dawn l-elezzjonijiet? Mil-livell ta’ diskussjoni li qed issir jidher li r-riżultat wara dan kollu se jkun more of the same.
Is-sajf u t-turiżmu
Pajjiżna għal bosta snin huwa assoċjat ma’ attività turisitika b’saħħita. Fl-imgħoddi, kull min kien involut fit-turiżmu kien jistenna s-sajf biex jara l-aħjar żmien tas-sena għal dan ix-xogħol. Fl-aħħar snin, it-turiżmu f’Malta żdied notevolment. L-attività turistika m’għadħiex marbuta ma’ postijiet turistiċi biss iżda kompliet tinfirex ma’ diversi inħawi.
L-impatt ta’ dan f’numru ta’ istanzi kien pożittiv. Bosta postijiet antiki li kienu magħluqa u llum ġew konvertiti f’akkomodazzjoni turistika wasslu biex żoni sħaħ qed jiġu riġenerati. Mill-banda l-oħra, il-firxa tal-attività turistika qed twassal biex ikun hemm impatt neġattiv u ta’ inkonvenjent fuq ir-residenti f’lokalitajiet.
Dan qed iwassal għal ħtieġa ta’ ri-organiżazzjoni ta’ kif isiru l-affarijiet. L-eżempju ta’ Kemmuna jindika li ħemm mod kif l-affarijiet ikunu organizzati aħjar. La n-numru ta’ turisiti qed ikompli jikber, bżonn ta’ aktar dixxiplina, regolari ċari u li jiġu infurzati. Huwa tajjeb li sidien jużaw propjeta’ tagħhom biex jagħmlu qliegħ minn dan is-settur, imma dan m’għandux ikun għad-detriment tan-nies tal-madwar.
Ċertu aġir huwa inaċċettabbli. Apparti hekk, ċertu aġir qed jagħmel ħsara lid-destinazzjoni ta’ Malta. Il-messaġġ li jrid jintbagħat dwar Malta għandu jkun differenti mill-filmati li qed jiġru fuq social media li jasslu internazzjonalment.
Dom Mintoff
Bħal-lum 106 snin ilu twieled il-Perit Dom Mintoff. Jum twelidu, fil-festa tas-Salvatur, seħħ f’passat imbiegħed fi żminijiet li Malta kienet pajjiż kompletament differenti. Pajjiż maħkum mill-Inġliżi fi żmien l-ewwel gwerra. Żmien li Malta rat inġustizzji soċjali kbar u faqar li llum qajla nifhmuħ.
Minkejja l-oriġini umli tiegħu, irnexxielu li jiggradwa bħala perit u anke studja barra minn xtutna. Kien il-bniedem li reġa’ bena lil pajiżna wara t-tiġrif tat-tieni gwerra dinjija u li għat-twemmin tiegħu kien lest li jissielet mingħajr ebda biża’ ta’ xejn.
Il-viżjoni tiegħu ta’ Malta ħielsa kien l-għan politiku ewlieni tiegħu iżda dan kien intimament marbut mar-rieda li jkun fuq in-naħa taż-żgħir fis-soċjeta’. Ried Malta aktar ġusta u li toffri opportunitajiet lil min, tul l-istorja, dejjem kien imwarrab u kalpestat biex ma jimxix ‘l quddiem. Welled Malta Ħielsa iżda ħeles lil Malta mill-faqar u ta dinjità xierqa bi drittijiet soċjali li bosta emmnu li qatt ma kellhom jiddaħħlu f’pajjiżna.
Kien rivoluzzjonarju fil-ħsieb. Tkellem ċar dwar dak li kien meħtieġ. Ħareġ lil Malta mill-ħsieb medjevali li kien għadu jirrenja. Sab il-forzi kollha kontrih u ma ċediex. Mexxa u ispira lill-massa li minkejja kollox imxew warajh u rawh mexxej li ta tama ġdida lilhom u lil pajjiżhom.
Malta ssellem lil Perit Mintoff.