Pajjiżna tul is-snin bena servizz tas-saħha mill-aqwa. Kontra kull kurrent u b’reżistenża minn diversi forzi, lura fis-snin sebgħin, il-Gvern Laburista kien ta id-dritt tas-servizz tas-saħha b’xejn lil kulħadd. Dan il-qasam ma waqafx hemm biss iżda l-ammont ta’ servizzi, proċeduri mediċi, mediċini li jingħataw ta’ kuljum b’xejn baqa’ jiżdied u għadu jitwessa’ fil-firxa tiegħu.
Wieħed irid isemmi li filwaqt li l-Gvernijiet suċċessivi introduċew servizzi differenti u investew flejjes kbar biex il-qasam tas-saħha ta’ pajjiżna jkollu l-livell li għandu llum, pajjiżna dejjem kellu professjonisti mediċi mill-aqwa. Speċjalisti li għamlu isem mħux biss f’pajjiżna iżda anke lil hinn minn xtutna. Uħud minn dawn għażlu li wara l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom barra minn Malta jiġu lura jagħtu servizz hawn, oħrajn iservu barra minn pajjiżna filwaqt li hemm numru li jiġu għal xi żmien jagħtu s-servizzi tagħhom f’Malta.
In-nies qed jgħixu aktar u jitwieldu inqas trabi
Is-servizz tajjeb tas-saħha li għandna f’pajjiżna iħalli impatt pożittiv fuq il-pajjiż. Huwa wieħed mis-servizzi li verament itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Il-fatt li dan is-servizz tal-ogħla livell jingħata b’xejn jagħti serħan il-moħħ lil kulħadd.
Illum pajjiżna għandu life expectancy ogħla u b’hekk in-nies qed jgħixu aktar iżda fl-istess ħin, ir-rata ta’ twelid ta’ trabi li qed tonqos. Dan fih innifsu huwa sors ta’ sfida li qed tibda’ tinħass u se tkompli tinħass fiż-żmien li ġej għaliex in-numru ta’ nies meqjusa anzjani fi proporzjon mal-bqija tal-popolazzjoni se jkun wieħed dejjem akbar.
Għas-servizz tas-saħħa kif ukoll fejn tidħol il-kura tal-anzjani dan joħloq sfidi li mhumiex żgħar. Għalhekk, wieħed irid jagħrbel sewwa u jippjana kif din ir-realtà li diġa’ qegħdha magħna tista’ tiġi indirizzata.
Huwa fatt li filwaqt li llum għandna aktar anzjani attivi u b’saħħithom, l-anzjanità ġġib magħha aktar ħtieġa ta’ kura kemm mil-lat ta’ saħha kif wkoll rigward il-ħtieġa ta’ aktar servizzi f’residenzi għall-anzjani. Il-Gvern qiegħed jinvesti miljuni ta’ euro biex dawn is-servizzi jingħataw u jkunu ta’ livell iżda hemm sfida importanti li trid tiġi indirizzata.
Minbarra l-finanzjament meħtieġ ukoll ir-riżors uman
Biex jingħataw dawn is-servizzi daqstant importanti hemm bżonn ta’ żewġ affarijiet ewlenin. L-ewwel irid ikun hemm il-finanzjament meħtieġ biex ikun hemm postijiet bit-tagħmir meħtieġ u biex jinxtara l-apparat u l-mediċinali kollha meħtieġa. Imma apparti dan kollu hemm bżonn ta’ riżorsa importanti – in-nies li se jaħdmu u jipprovdu dawn is-servizzi.
Biex tħaddem dawn is-servizzi, hemm bżonn ta’ ħafna ħaddiema ta’ ħiliet differenti. Is-servizz tas-saħħa m’huwiex il-konsulenti u t-tobba biss. Ma’ dawn ħemm mijiet ta’ ħiliet oħra li wieħed għandu bżonn biex jingħataw dawn is-servizzi b’tant reqqa u dedikazzjoni.
Ħafna llum jistaqsu kif fis-swali tal-isptar u fid-djar tal-anzjani illum hemm ħafna ħaddiema barranin? Il-mistoqsija li ssegwi hija, f’pajjiżna għandna biżżejjed ħaddiema Maltin f’dawn l-oqsma biex noffru dawn is-servizzi kollha f’pajjiżna li huma tant meħtieġa?
Ma tridx tkun espert jew tagħmel riċerka profonda biex tasal għall-konklużjoni li pajjiżna m’għandux biżżejjed ħaddiema u nies imħarrġa biex jimtlew il-postijiet tax-xogħol kollha li għandna bil-għan li jiġu offruti s-servizzi fil-qasam tas-saħha u fl-oqsma tal-anzjani . Ir-realtà ta’ ħaddiema barranin fil-qasam tas-saħħa u servizzi għall-anzjani hija waħda li hija preżenti u se tibqa’ tkun preżenti fiż-żmien li ġej.
Nindirizzaw ir-realtà tal-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin
Hemm mistoqsija oħra li wieħed irid jistaqsi – fid-dawl li r-rata tat-twelid qed tonqos u l-anzjani qed jiżdiedu, il-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin għal dan is-settur b’kemm se tkompli tikber? Hawn tidħol il-ħtieġa li jiġu mfassla policies biex din ir-realtà tibda’ tiġi indirizzata mill-lum.
Apparti dan, wieħed irid iqis fattur ieħor. Pajjiżi oħra Ewropej għandhom realtà simili bhal tagħna. Dan ifisser li anke dawn il-pajjiżi għandhom realtà li jeħtieġu li jfittxu ħaddiema minn barra pajjiżhom biex iżommu s-servizz tas-saħħa u fil-qasam tal-anzjani għaddej b’mod sostenibbli. Dan ifisser li pajjiżna qed jikkompeti ma’ pajjiżi oħra biex isib il-ħaddiema barranin li għandu bżonn biex nassiguraw li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu għaddejjin f’pajjiżna.
Għalħekk, tiżdied il-ħtieġa li nitħejjew għar-realtà li għandna quddiemna llum kif wkoll għar-realtajiet li se jkollna fiż-żmien li ġej. Is-servizzi li nbnew matul is-snin importanti li naraw li jibqgħu sostenibbli fil-ġejjieni. Il-ġejjieni jiddependi mill-għażliet li nagħmlu llum u mit-tħejjijiet tant meħtieġa.