Wednesday, August 20, 2025

Ngħiduha kif inhi

Aqra wkoll

Frażi li sirna nużaw u nisimgħu b’mod regolari hija due diligence. Kelmetjn bl-Inġliż li fi ftit kliem jindikaw riċerka fuq persuna jew kumpanija biex wieħed jara l-qagħda finanzjarja jew il-livell ta’ reputazzjoni ta’ dik il-persuna jew kumpanija. Tista’ tgħid li llum hemm obbligi iebsa ħafna riġward it-tip ta’ due diligence li trid issir qabel ma jsiru transazzjonijiet bħal bejgħ u xiri ta’ propjeta’ u f’ħafna tranżazzjonijiet finanzjarji. 

Il-PN daħħal din il-proċedura bħala parti mill-proċess tal-ħatra ta’ Kap. Qabel ma persuna jissottometti l-kandidatura tiegħu għall-Kap tal-PN, irid isir due diligence fuq il-persuni li juru interess biex eventwalment persuna tapplika formalment bħala kandidat. 

Sramberiji fid-due diligence tal-PN

Rajt diversi affarijiet strambi fil-mod kif sar dan id-due diligence u kif se tkompli din l-elezzjoni għal kap tal-PN. L-ewwelnett, iż-żewġ persuni li wrew interess, it-tnejn huma Membri Parlamentari eletti f’isem il-PN. Issegwi l-mistoqsija, jekk dawn huma tajbin biex ikunu membri parlamentari tal-PN, hemm dubbju jistgħux ikunu kap tal-PN? It-tnejn li huma għaddew mid-due diligence u b’hekk setgħu japplikaw formalment bħala kandidati. Li kieku xi ħadd minnhom instab li ma setgħax jgħaddi mid-due diligence, dan kien ikollu problema biex jibqa’ deputat f’isem il-PN?

Fattur ieħor li seħħ huwa li bejn id-data meta għalaq iż-żmien biex wieħed juri interess u l-ġurnata li sar il-proċess ta’ due diligence għaddew diversi ġimgħat. Iż-żewġ kandidati bdew il-kampanja tagħhom kemm b’laqgħat man-nies, fuq mezzi soċjali u permezz ta’ intervisti u dehriet oħra. Bdew isiru s-sondaġġi u min jgħid qiegħed fuq quddiem man-nies u min jgħid li qiegħed fuq quddiem mal-kumitati. 

La darba ż-żewġ kandidati kienu diġà telqu għal għonq it-triq jikkampanjaw, realistikament seta’ xi ħadd jeħel minn dan id-due diligence? Allura dan id-due diligence proċess serju jew isir biex il-PN jidħer li jieħu l-affarijiet bis-serjetà? 

Fil-politika il-kredibilità hija l-aktar ħaġa importanti. L-akbar due diligence jagħmlu l-poplu li se jagħrbel sewwa lil min se jkun elett bħala kap tal-PN. Kull due diligence ieħor ma tantx jidher li għandu importanza u kredibiltà.

Xaħam max-Xatt. 

Kien ilu ma jistema’ ilment dwar xaħam jew slime max-xatt. Dan it-tip ta’ ħmieġ huwa riżultat ta’ attività mill-irziezet li jrabbu l-ħut. Ir-rappreżentanti tal-industrija ta’ dawn l-irziezet fil-baħar wara li wrew dubbju minn xiex kien ġej dan il-materjal, talbu skuża lill-pubbliku għall -inkonvenjent li inħoloq. 

S’hawn kollox sew iżda hemm bżonn pass ieħor. Mhux biżżejjed li titalab skuża imma huwa aktar importanti li jkun ħemm metodoloġija kif jitħaddmu dawn l-irziezet mingħajr ma jikkawżaw dan it-tip ta’ inkonvenjent serju fuq il-bajjiet ta’ pajjiżna. Jekk l-operat ta’ dawn l-irziezet huwa suġġett għal permess, għandu jkun hemm kundizzjonijiet aħjar biex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn. 

Din hija diskussjoni li diġa saret fil-passat u kellhom jittieħdu passi min-naħa tal-operaturi biex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn. Għal xi raġuni dan ix-xaħam reġa’ feġġ. Huwa importanti li kull industrija f’pajjiżna titħaddem bl-inqas impatt. Dan il-prinċipju għandu japplika għal din l-industrija wkoll. 

Fl-aħħarnett, Adrian Delia li qagħad jagħmel video f’xatt il-baħar u qal ħafna affarijiet, fl-ebda ħin ma qal x’ kien jagħmel differenti kieku kellu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh. Tajjeb li jifħem li bil-videos f’xatt il-baħar ma jittieħdux deċiżjonijiet. 

Mużew tal-Imsida

Rapporti fil-media qed jgħidu li l-qasam tal-mużew tal-Imsida se jkun qed jingħalaq. Bosta ġenituri ġabru petizzjoni biex din id-deċiżjoni tinbidel. S’issa ma jidhirx eżatt x’inhi r-raġuni għaliex dan il-qasam se jkun qed jingħalaq. Waħda mir-raġunijiet tista’ tkun li l-mużew m’għandux bizzejjed soċji biex imexxu dan il-qasam. 

Hija ħaġa pożittiva li l-ġenituri qed jitolbu li dan il-qasam jinżamm mifuħ. Iżda l-mistoqsija hija waħda, kemm hemm persuni li huma lesti li jagħtu mill-ħin tagħhom biex jagħtu daqqa t’id bħala voluntiera biex dan il-qasam jibqa’ jagħti servizz lill-kommunità Misidjana? 

Is-servizz jiddependi fuq il-kontribuzzjoni ta’ nies li jistgħu huma jkunu ta’ servizz. Il-petizzjonijiet ma joħolqux voluntiera. Sitwazzjonijiet bħal dawn ifakkruna kemm il-voluntarjat jagħti impenn pożittiv fil-ħajja tal-kommunitajiet tagħna. Il-voluntarjat jibqa’ ħaj sakemm hemm voluntiera lesti jkunu ta’ servizz. 

Servizz tal-Emerġenża

Pajjiżna għandu servizzi tal-emerġenza tal-aqwa livell. Fl-aħħar jiem rajna diversi ħaddiema f’dawn is-servizzi jagħtu l-aqwa tagħhom fid-diversi inċidenti li kellna fit-toroq tagħna u mhux biss. Ħaddiema ddedikati li jkollhom jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli u li jridu jwettqu l-ħidma tagħhom b’reqqa iżda f’tellieqa iebsa kontra l-ħin. 

It-tagħmir li għandhom is-servizzi tal-emerġenża ħuwa wieħed tal-ogħla livell. Sar investiment b’saħħtu biex jingħata servizzi mill-aqwa fil-mumenti fejn jissejħu dawn is-servizzi tal-emerġenża. 

Filwaqt li l-ħaddiema u professjonisti ħaqqhom kull tifħir u ringrazzjament, ikun għaqli jekk infakkru u niftakru li l-prevenżjoni hija l-aqwa mezz kif jiġu evitati inċidenti. L-aħħar jiem urew li hemm bżonn aktar mezzi biex dawn l-inċidenti koroh jiġu evitati. Konvint li l-awtoritajiet se jkunu qed jieħdu l-azzjoni meħtieġa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport