Il-kelma ‘pastaż’ nassoċjawha ma’ xi ħadd li jġib ruħu mingħajr manjieri u b’mod baxx u vulgari. Interessanti però li din il-kelma li ġejja mill-Isqalli għandha l-oriġini tagħha għat-tifsira ta’ xi ħadd li jerfa’ jew travu, jew li jkun qed jerfa’ oħrajn. Minn din it-tifsira toħroġ l-idjoma marbuta ma xi ħadd li jintalab isefter lil ħaddieħor u jirrifjuta billi jwieġeb “mela ħsibtni l-pastaż tiegħek?”
Hemm qawl ieħor marbut ma’ din il-kelma li jgħid “Min iġorr qoftu mhux pastaż”. Dan jikkonferma li l-pastaż kien dak li kien imur iġorr xi ħaġa għal ħaddieħor. Dak li kien imur jagħmel qadja għal ħaddieħor meta forsi l-affarijiet kienu jinġarru fil-qoffa. Min seta’ jħallas dejjem fittex il-kumdità. Dan il-qawl xorta irid juri li mhux kull min qed iġorr huwa pastaż sakemm il-qoffa li qed iġorr hija tiegħu mhux ta’ ħaddieħor.
Fenomenu li qed ikompli jikber
Niġu lura għal żminijietna. Fl-aħħar snin rajna bidu ta’ fenomenu ġdid. Fenomenu li kiber u għadu qed jikber. Illum qed ngħixu fi żmien li mill-kumdità tad-dar wieħed jista’ jixtri dak kollu li jixtieq kemm minn Malta kif wkoll lil hinn minn xtutna. Il-ħtieġa li xi ħadd imur fil-ħanut biex jixtri hija xi ħaġa li qed tonqos.
Il-kunċett ta’ e-commerce infirex b’tali mod li l-idea tal-ħanut qed tevolvi u hemm min jistaqsi għadx hemm il-ħtieġa tal-ħwienet kif nafuhom. Lil hinn minn din id-diskussjoni, ir-realtà ta’ xiri on-line twassal biex is-servizz ta’ min iwassal il-prodott mixtri għand ix-xerrej ikun ferm aktar neċessarju. B’riżultat ta’ dan illum qed naraw is-servizz tal-posta u servizzi simili jġorru aktar pakketti ta’ dak li jinxtara minn barra, aktar milli jitqassmu ittri kif niftakruhom fl-imgħoddi.
Apparti x-xiri ta’ oġġetti on-line illum għandna fenomenu ieħor. Ħafna aktar nies qed jixtru ikel minn take-aways u ħwienet tal-ikel ta’ kull xorta. Minn filgħodu sa tard bil-lejl, il-ġuħ qed jinqata’ bix-xiri ta’ ikel imsajjar mill-mijiet ta’ ristoranti u kull tip ta’ ħwienet, gabbani u oħrajn. Minn fuq il-mobile, b’erbgħa għafsiet ta’ buttuni jitilgħu il-listi varji ta’ ħwieniet minn fejn tixtri, menus ta’ kull tip u xorta u f’kemm ili ngħidlek jasal is-sewwieq tal-mutur bl-ordni tiegħek wara l-bieb ta’ darek jew fejn tkun tlabt lil tad-delivery iġiblek l-ordni tiegħek.
Dan it-tip ta’ servizz illum jintuża għal xirjiet ta’ kull tip u xorta, ħaġa li sa ftit taż-żmien ilu l-anqas konna noħolmuha. Qabel ma daħal il-fenomenu tal-muturi li jwasslu l-affarijiet mixtrija, jekk ridt take-away kont iċċempel, tagħmel l-ordni jew tmur minn fejn trid tordna u ġġib l-ordni miegħek id-dar. Kien hemm ħwienet li kienu jagħmlu d-deliveries huma stess imma fil-maġġoranża tal-każijiet kont trid tmur tiġbor li trid inti stess.
Li ssib dak li ordnajt wara biebek komda. Illum anke min imur x’imkien l-anqas għad irid joqgħod jaħseb x’se jieħu miegħu jew jara fejn se jieqaf bidx jixtri huwa hu sejjer għall-ħarġa tiegħu. Illum tmur fejn għandek tmur u meta tmur skond l-aptit tista’ tordna malajr u tara l-mutur ġej.
Mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol
Dawn il-muturi iduru fit-toroq tagħna mhux l-ewwel darba li wieħed jisma’ min igerger dwarhom. Muturi ħafna drabi misjuqa minn nies li jiġu f’pajjiżna biex jaħdmu. Ħaddiema barranin li mhux l-ewwel darba li kien hemm każijiet fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom qanqlu mistoqsijiet dwar jekk jirrispettawx ir-regolamenti ta’ pajjiżna.
Il-Gvern daħħal regolamenti biex dawn il-ħaddiema f’dan is-settur ikollhom drittijiet ċari u jkunu mħarsa. Id-domanda għal dan it-tip ta’ servizz ta’ delivery ħoloq forma ta’ ekonomija ġdida u tip ta’ xogħol magħruf bħala platform work. Bħalma min jordna juża l-mobile biex jagħmel l-ordni tiegħu mill-kumdità tiegħu, min isuq il-mutur ikun qed jistenna li l-mobile tiegħu jindikalu l-qadja li jmiss. Ħaddiema li jiddependu fuq is-sistema li hija magħrufa bħala l-platform li tibgħathom ’l hemm u ’l hawn jiġbru u jqassmu l-ordnijiet li jkunu saru min-nies biex ikunu moqdija fil-kumdità.
Kif tkompli tikber il-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin
Aktar ma jsiru ordnijiet, aktar se jkun hemm muturi iterrqu l’hawn u ‘hinn. Aktar se jkun hemm bżonn ta’ ħaddiema li jsuqu dawn il-muturi u li jwasslu l-ordnijiet. Id-domanda għal dan is-servizz, aktar ma tikber, aktar se żżid il-preżenza tal-ħaddiema li jwettqu dan ix-xogħol. Minn dak li nosserva, ma tantx nara Maltin jaħdmu f’dan it-tip ta’ xogħol. L-impressjoni hija li dawn il-muturi huma misjuqa minn ħaddiema barranin li jista’ jkun li jiġu hawn biex jagħmlu dan ix-xogħol u forsi xogħol ieħor wkoll.
Għal dawk li jirrepetu l-mantra li l-ekonomija kibret għaliex hawn aktar barranin, naħseb li dan it-tip ta’ servizz jikkontradixxi l-idea tagħhom. Jekk in-nies qed jordnaw minn barra aktar u b’hekk hawn dawn il-ħaddiema iterrqu bl-ordnijiet, huwa ċar li ż-żieda fl-ordnijiet tirriżulta minn aktar flus fil-but, għax l-ekonomija qed tħalli aktar flus fil-but.
Mill-pastaż li kien iġorr il-qoffa biex jaqla’ xi sold minn xi qadja, għal servizz ibbażat fuq mezzi elettroniċi sofistikati. Il-kunċett huwa l-istess, inti tordna u l-ordni titwassal għandek. Tgħid dawn il-ħaddiema, meta tara s-servizzi li qed joffru, għandhom jitqiesu żejda?