Wednesday, September 3, 2025

Ngħiduha kif inhi 

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

L-aħbar li għadha kif ħarġet li l-Association of Genocide Scholars wasslet għall-konklużjoni li Iżrael qed jikkommetti ġenoċidju tkompli tikkonferma kemm il-kommunità internazzjonali naqset milli tieħu azzjoni dwar dak li ilu għaddej f’Gaża. Dan il-grupp ta’ studjużi jikkonfermaw li Iżrael qed iwettaq reati kontra l-umanità. Il-qtil ta’ aktar minn 50,000 tifel u tifla f’dan il-programm ta’ qerda jnaqqas kull possibilità li l-poplu Palestinjan jibqa’ jiġġedded u huwa fuq dan il-punt li din l-Assoċjazzjoni wasslet għall-konklużjoni tagħha.  

Dak li għaddej f’Gaża jidher bla tmiem u li għandha tħammar wiċċ kull min qed idawwar wiċċu n-naħa l-oħra quddiem din it-tbatija li jinsab għaddej minnha poplu sħiħ. L-użu tal-arma tal-ġuħ biex jinqerdu ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ nies innoċenti f’Gaża huwa ġenoċidju li jitfa’ lil Iżrael fil-lista ta’ pajjiżi li wettqu ġenoċidju fl-istorja tal-umanità. Agħar minn hekk, il-mewt ta’ eluf ta’ trabi u tfal innoċenti f’dan il-kunflitt imdemmi jkompli jagħmel din it-traġedja fost l-akbar li qatt seħħew fl-istorja moderna tad-dinja.

Mingħajr l-ebda ekwivoku, l-attakk terroristiku tas-7 t’Ottubru 2023 mill-Ħamas fuq Iżrael, ikkumplikat bil-ħtif tal-ostaġġi innoċenti kien wieħed mistmerr mid-dinja. Ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ dan l-attakk biex id-dinja tkun taf fuq it-traġedja tal-poplu maħkum tal-Palestinjani. U ngħiduha kif inhi, l-attakk xejn ma għen biex forsi tinstab soluzzjoni dejjiema għal din il-problema, soluzzjoni ibbażata fuq il-ħsieb li l-Palestinjani jkollhom l-istat tagħhom li fih jgħixu fil-paċi bil-garanziji kollha għas-sigurtà tal-iStat ta’ Iżrael.

Iżda r-rispons ta’ Iżrael għall-attakk terroristiku kontrih kienet waħda sproporzjonata għall-aħħar. Iżrael kisser l-infrastruttura kollha f’Gaża, inklużi skejjel u sptarijiet. Fl-attakki fuq Gaża inqatlu l-eluf, madwar 70,000. Mhux biss tfal u trabi innoċenti, imma anke nisa u eluf ta’ professjonisti, tobba, nurses, għalliema u ġurnalisti. Għalhekk ġenoċidju għaliex ir-rispons ta’ Iżrael kien wieħed indiskriminat bit-tendenzi kollha li ried Iżrael ried li jeqred poplu sħiħ.

S’issa Iżrael ma sab lil ħadd iwaqqfu. Il-poplu Palestinjan thalla wahdu u hadd għadu ma għamel intervent b’saħħtu biex dak li qed jitwettaq b’mod tant sistematiku jieqaf. Din hija tebgħa flimkien ma tebgħat ohra li d-dinja halliet li jseħħu fl-istorja tagħha meta għażlet li thares in-naħa l-oħra.

Iżrael kien megħjun ukoll bin-nuqqas ta’ azzjoni mill-pajjiżi tal-Punent li qagħdu lura milli jieħdu l-azzjonijiet xierqa li għall-inqas forsi kienu jġegħlu lill-Iżrael joqgħod lura milli jkompli jħarrex il-gwerra tiegħu f’Gaża. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li tant irsistew u għadhom jirsistu biex jiddefendu lill-Ukranja mill-aggressjoni Russa, ma mxewx l-istess fil-konfront ta’ Iżrael. Dawn l-istituzzjonijiet lanqas irnexxielhom jaqblu fuq pakkett ta’ sanzjonijiet kontra Iżrael, fosthom li għall-inqas jissospendu it-trattat ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Iżrael. Dan meta kienu għadhom kif qablu li jkomplu jħarrxu s-sanzjonijiet kontra r-Russja.

Bħalissa ma jidhirx li hemm rieda li tinbidel is-sitwazzjoni għall-Palestinjani ta’ Gaża jew li l-affarijiet se jitjiebu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Jidher li Iżrael qed ikompli bil-pjani tiegħu li jieħu f’idejh il-kontroll assolut tal-istrixxa ta’ Gaża u li saħansitra jibda jikkunsidraha bħala parti integrali mill-istat ta’ Iżrael. Jidher ukoll li l-Gvern ta’ Natanyahu qed jagħmel minn kollok biex jokkupa aktar artijiet fl-inħawi tax-Xatt tal-Punent tax-Xmara Ġordan, territorju li jinsab amministrat mill-amministrazzjoni Palestinjana. Dan ukoll xejn ma jawgura tajjeb għall-ġejjieni.

Dan ma jistax jibqa’ għaddej. Id-dinja ma tistax tibqa’ tinjora dak li għaddej u li qed ibati l-poplu Palestinjan. Il-qtil ta’ tant tfal innocenti ta’ tant persuni li ħallsu b’ħajjithom għax jiffurmaw parti mill-poplu Palestinjan, il-qtil ta’ ġurnalisti u l-massakru mill-eħrex li qed jitwettaq minn Iżrael fil-konfront tal-Palestinjani għandu jieqaf minnufih.

Id-dinja ma tistax tibqa’ aktar ċassa quddiem dan kollu. Kull sena ngħidu qatt aktar biex ma jsir ebda ġenoċidju ieħor. Minkejja dan, illum għandna l-aħbar li l-esperti li l-aktar jistudjaw dwar ġenoċidju jikkonfermaw li dak li iwettaq Iżrael huwa ġenoċidju ieħor fl-istorja tad-dinja. Ma nistgħux ninjoraw dan. Hemm bżonn li dan kollu jieqaf.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport