Wednesday, September 10, 2025

Ngħiduha kif inhi 

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

L-elezzjoni għall-kap tal-Partit Nazzjonalista għaddiet. Riżultat li wassal biex Alex Borg jiġi elett Kap tal-PN. Waqt il-kampanja tiegħu, Alex Borg qagħad ħafna ħin idur il-festi fl-ibliet u l-irħula. Bħalma għadda l-ħin waqt il-kampanja, hekk beda l-ħidma tiegħu wara li ġie elett kap tal-PN, idur fil-festi.

Waqt il-festi, speċjalment eżatt wara elezzjoni, in-nies tiġi fuqek biex tawguralek, tiltaqa’ miegħek, u anke għall-kurżità biex tara min hu dak li ġie elett. Bidu bħal dan jista’ jagħtik impressjoni li bdejt bil-kbir u li għandek akkoljenza b’saħħitha. Iżda lil ħinn mil-laqgħat fil-festi, ir-ritratti u l-posts fuq il-mezzi soċjali, it-tmexxija ta’ partit tfisser ħafna aktar minn sempliċement hekk.

Sfidi quddiem Borg

L-ewwel sfida li għandu quddiemu Alex Borg tirriżulta mir-riżultat li kiseb u d-differenza ta’ ftit voti li ġab aktar minn Adrian Delia. Ir-rebħa li kiseb, minkejja li kiseb il-maġġoranza ta’ voti mitfugħa, hija waħda marġinali ferm. Differenza ta’ ftit voti li turi li t-tesserati tal-PN huma maqsuma f’żewġ blokki ndaqs. Alex Borg ma rnexxilux jikkonvinċi b’mod b’saħħtu u rebaħ bi żbrixx.

Wieħed jista’ jargumenta li l-maġġoranża tat-tesserati tal-PN, bejn dawk li vvutaw lil Adrian Delia u dawk li għażlu li ma jivvutawx, ma tawx l-appoġġ tagħhom lil Alex Borg. Dan ifisser li kif ġew l-affarijiet, Alex Borg għandu biss l-appoġġ ta’ 42% tat-tesserati tal-PN. Jibqa’ xorta l-fatt li l-maġġoranza hija waħda marġinali u għalhekk, għal Alex Borg l-isfida biex jikkonvinċi internament għadha kemm bdiet.

It-tieni sfida hija li Alex Borg s’issa għadu ma weriex b’mod ċar x’inhuma l-għanijiet politiċi tiegħu. L-islogan tiegħu kien “Dan hu l-Mument”. Imma dan kien il-mument għalih biex jilħaq l-ambizzjoni personali li jsir kap tal-partit? Kontinwament irrepeta li wasal il-mument li l-PN jirbaħ l-elezzjoni. Imma liema huma l-għanijiet li jrid jilħaq għall-pajjiż?

Nuqqas ta’ Kontenut

Matul il-kampanja tiegħu Alex Borg ġie kkritikat minn bosta esponenti inkluż dawk meqjusa bħala Nazzjonalisti li kien nieqes minn kontenut politiku. Ta’ min isemmi li Tħe Times fil-linja editorjali tagħha u anke opinjonisti li jiktbu reġolarment f’Tħe Times stqarrew li Borg kien nieqes mis-sustanza. Innutaw li Borg seta’ kien qed jiġbed attenzjoni u fil-fatt li rnexxilu jsir kap juri li rnexxilu jikkonvinċi fost it-tesserati. Imma dan biżżejjed?

Il-kredibilità fil-politika ma tiddependix biss mill-mod kif wieħed jippreżenta ruħu u l-istil li jikkomunika bih. Jiddependi wkoll mill-kontenut poltiku li jipproġetta. In-nies biex tkun konvinta li hemm xi ħaġa differenti jew li għandħa tafda lil xi ħadd tfittex biex tara l-għanijiet u l-proposti ta’ dak il-kap. S’issa minn dan, Alex Borg għadu ma wera xejn.

Dawk li kkritikawh

Ir-riżultat ta’ Alex Borg se jwassal biex dawn l-elementi li huma ta’ forċina għall-PN u li s-soltu jagħtu palata lill-PN jinsew dak li kitbu u jibdew jappoġġjawh? S’issa Alex Borg minn dawn l-elementi sab kritika qawwija. Il-konklużjonijiet tagħhom kienu li Alex Borg ma kellux jiġi elett bħala kap. It-tesserati, għalkemm id-distakk kien wieħed żgħir, għażlu lil Borg. Borg se jispiċċa jissielet kontra dawn l-elementi li ma riduhx isir kap?

Kemm Adrian Delia u warajh Bernard Grech aktar spiċċaw mitlufin f’inkwiet intern. Aktar kienu ffukati fuq il-gambetti interni u l-ġlied intern. Dawn is-sinjali li rajna dwar Alex Borg huma sinjali li fil-PN ma tantx jidher li inbidel wisq.

Alex Borg u Trump

Peppi Azzopardi tgħidx kemm tmasħan fi żmien il-karnival meta sar jaf li Alex Borg libes kostum ta’ Trump fil-karnival tan-Nadur. Kien għamel eloġju sħiħ kemm Alex Borg missu jistħi li irid li jkollu assoċjazzjoni ma’ Trump u l-politika tiegħu. Issa Peppi Azzopardi għal bosta snin kien magħruf li serva bħala kowċ għal esponenti tal-PN. Issa Peppi x’se jgħid fuq Borg wara l-ħatra tiegħu?

Il-fatt li Alex Borg, li meta kien diġà elett Membru Parlamentari, għażel li jilbes kostum fil-karnival tan-Nadur u għażel li jilbes ta’ Trump, xi tgħid dwar il-Kap tal-PN il-ġdid?

Tal-aħħar

Il-PN fl-aħħar snin mhux talli ma rnexxilux jikkonvinċi lill-poplu li huwa Gvern alternattiv talli lanqas tista’ tgħid li organizza ruħu bħala Oppożizzjoni bis-sens. L-ewwel jiem ta’ Alex Borg fil-kariga ma taw ebda sinjal li hemm xi ħaġa ta’ differenza. L-ewforija tal-bidu tat-tesserati bħalma gawdew minnha Adrian Delia u Bernard Grech ma wasslet lill-PN għall-ebda suċċess elettorali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport