Wednesday, October 15, 2025

Ngħiduha kif inhi

Minn Opinjonista 

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew saru bosta inizjattivi u attivitajiet favur aktar ħarsien tas-saħħa mentali. Dawn l-inizjattivi huma importanti ferm. Flimkien ma’ inizjattivi oħra bħal Pink October u Movember, huma mezz biex ifakkruna biex ilkoll nieħdu passi għall-ħarisen ta’ saħħitna u biex nieħdu aktar passi ta’ prevenzjoni.

Ħafna drabi, nispiċċaw nagħtu aktar każ ta’ saħħitna meta jinqala’ xi ħaġa imma huwa fatt magħruf li l-aqwa mod kif nieħdu ħsieb saħħitna huwa billi nieħdu aktar mezzi ta’ prevenzjoni. Il-mezzi ta’ prevenzjoni huma vasti u kull ma jmur qed titqanqal aktar kuxjenza biex nirrikorru għalihom.

Ir-realtà dwar is-saħħa mentali

Fil-każ tas-saħħa mentali hemm realtajiet li rridu nkomplu niffaċjaw biex aktar persuni ifittxu l-għajnuna fejn meħtieġ. L-ewwelnett, hemm bżonn ta’ aktar għarfien dwar xi tfisser saħħa mentali u għalxiex għandu joqgħod attent dak li jkun. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ aktar għarfien dwar dan il-qasam.

Punt ieħor marbut mas-saħħa mentali huwa l-istigma li dan il-qasam għandu. Għalkemm huwa fatt li aktar persuni qed jirrikorru għall-għajnuna meta jħossu li għadhom bżonn, huwa fatt li għad hemm stigma li twassal biex nies joqogħdu lura milli jfittxu l-għajnuna meta meħtieġ.

Kliem iebes

Il-mod kif nitkellmu dwar dan il-qasam ma tantx jgħin. L-idjoma Maltija kif evolviet tul is-snin wasslet biex riferenzi għal dan il-qasam fis-saħħa jintużaw b’mod negattiv. Jekk persuna trid tindika lil oħra li ma tafx x’qed tagħmel jew ma tafx x’qed tgħid ngħidu: “Mela qed tiġġennen?”.

Din m’hiex xi ħaga fil-lingwa tagħna biss iżda tiġri f’bosta lingwi oħrajn fejn kwistjonijiet ta’ saħħa mentali jintużaw bħala riferenza dispreġjattiva fil-konfront ta’ oħrajn u dan żgur li ma jgħin xejn.

Kwalità ta’ ħajja aħjar

Irridu nippromwovu aktar kwalità ta’ ħajja aħjar u għarfien akbar dwar kif intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna. Dan mhux biss permezz ta’ mezzi materjali imma hemm bosta mezzi oħra li nistgħu inwettqu u jeħtieġ li nwettqu b’mod aktar strutturat.

Mgħadud ma’ dan hemm il-ħtieġa li persuna tkun aktar imħejjija biex tifhem kif tieħu ħsieb lilha nnifisha u tkun taf tindirizza b’mod aħjar dak li tkun tista’ tiffaċċja minn żmien għal żmien fil-ħajja ta’ kuljum. Hemm bżonn ta’ aktar life skills minn età żgħira li jigwidaw persuni aħjar kif jindirizzaw sitwazzjonijiet li dejjem isiru aktar komuni li jistgħu ikollhom impatt fuq is-saħħa mentali ta’ dak li jkun.

Apparti hekk, hemm il-ħtieġa li persuna ikollha għarfien biex meta tara li sitwazzjoni ma tistax tindirizzaha waħedha tkun taf fejn għandha tmur tikseb għajnuna jew xi parir siewi. Li tirrikorri għall-għajnuna qatt m’għandu jitqies bħala djufija anzi għandha titqies l-għażla t-tajba.

Rispett lejn xulxin

Jehtieg li jitkattar ir-rispett lejn xulxin. L-imġieba tagħna fil-konfront ta’ xulxin huwa mezz importanti fejn kif nieħdu ħsieb lil xulxin. Kelma tagħmel id-differenża fil-ħajja ta’ persuna. Kelma tista’ tkun ta’ għajnuna u ta’ wens u kelma tista’ tkun daqqa ta’ stallet għal persuna li għaddejja minn mument diffiċli.

Donnu dan il-ħsieb qiegħed jintefa minn moħħna u minn qalbna. Kulħadd jaqbad u jfajjar speċjalment fl-użu ta’ mezzi soċjali. Ħafna iħossu li jistgħu jgħidu li jridu bl-aktar mod dispreġjattiv u anke kiefer meta jkunu wara l-iscreen u bil-keyboard f’idejhom. Dan żgur mhux qed jgħin fis-saħħa mentali fis-soċjetà tagħna.

Aktar għarfien

Il-messaġġ favur aktar għarfien dwar saħħa mentali irid ikompli jissaħħaħ. Hemm bżonn ta’ aktar mental health champions b’mod partikolari fuq il-postijiet tax-xogħol biex aktar persuni ikollhom aċċess għal għarfien u gwida fis-sitwazzjonijiet diversi li jistgħu jinqalgħu.

L-impenn favur aktar saħħa mentali irid jitkattar anke fost it-tfal u adoloxxenti li kull ma jmur qed jidher li qed ikun hemm każijiet ta’ ħtieġa għal għajnuna.

Li nitkellmu dwar dan is-suġġett b’mod dinjituż u infurmat huwa mezz importanti kif inwasslu l-messaġġ u fuq kollox li nuru li hemm għajnuna. Irridu niftakru aktar li filwaqt li kull wieħed u waħda minna irridu nieħdu ħsieb tagħna infusna, imma ma nistgħu qatt ninsew li l-ħajja tkun isbaħ jekk insibu l-mod kif nieħdu ħsieb ta’ xulxin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport