Wednesday, October 22, 2025

Ngħiduha kif inhi

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn li ġej, il-Gvern iħabbar ir-raba’ budget għal din il-leġiżlatura. Budget ieħor fil-kullana ta’ budgets li servew biex jiġu sostnuti miżuri biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Sa minn meta ġie elett il-Partit Laburista fl-2013, il-ħsieb poltiku li nebbaħ il-ħidma li saret mill-gvern kien ibbażat fuq żewg oqsma: it-tkabbir ekonomiku bil-għan li jinħoloq il-ġid, u li l-ġid li jinħoloq jilħaq lil kulħadd. Din il-politika uriet biċ-ċar li l-awsterità fil-pajjiż ma twassal imkien u li l-avvanz tal-poplu in ġenerali jiddependi fuq il-ġid li jinħoloq.

Il-gvern, budget wara ieħor, kompla jsaħħaħ il-kullana ta’ inizjattivi li huma intiżi biex iwieżnu lil min jeħtieġ l-akbar wens. Jekk wieħed jara l-aspett soċjali tal-budgets kollha li saru fl-aħħar snin, wieħed jinnota l-investiment qawwi f’diversi inizjattivi li taw għajnuna mingħajr ebda preċedent.

Snin ta’ suċċess ekonomiku

Ir-rata ta’ ħolqien tax-xogħol f’pajjiżna hija waħda mill-aktar b’saħħitha u dan għaliex l-ekonomija ta’ pajjiżna qedha tikber b’rati mingħajr ebda preċedent u l-istituzzjonijiet internazżjonali ikomplu jindikaw li l-ekonomija tagħna tinsab fit-triq li tibqa’ tirreġistra aktar tkabbir minkejja d-diffikultajiet fix-xenarju internazzjonali.

Wieħed irid jgħid li pajjiżna llum huwa f’qagħda differenti minn dak li kien 12-il sena ilu. Minn ekonomija li kienet qed tgħotor b’attività kajmana, illum il-pajjiż qed jara realtà għal kollox differenti. Dan miegħu jġib realtajiet ġodda li l-gvern irid jindirizza wkoll permezz ta’ inizjattivi li jkomplu jibnu fuq it-tajjeb li sar.

Hawn min qed jgħid li hemm bżonn li jinbidel il-mudell ekonomiku għaliex dan il-mudell ekomomiku qed jagħtina wisq attività fil-pajjiż. Din hija idea għal kollox żbaljata għaliex l-isfidi li jġib miegħu is-suċċess ma tindirizzahomx billi twaqqaf is-suċċess. Jekk is-suċċess li ksibna f’pajjiżna ta’ riżultati tajbin u ġab miegħu sfidi ġodda, irridu naraw kif nindirizzaw dawk l-isfidi u mhux kif iridu dawk li jemmnu fl-awsterità li jaqblu li titnaqqas l-attività fil-pajjiż.

Gvern li jagħraf prioritajiet ġodda

Hemm diversi prioritajiet li wieħed jeħtieġ li jindirizza biex inkomplu nibnu fuq is-suċċess li ksibna. Minkejja s-suċċess li għandna fil-qasam tal-edukazżjoni ta’ pajjiżna, jeħtieġ li nkomplu insaħħu l-mod kif inħarrġu lit-tfal u ż-żgħażagħ. Id-dinja qed tinbidel b’rata mgħaġġla l-aktar fid-dawl tal-avvanzi teknoloġiċi li qed iseħħu b’rankatura dejjem akbar. Biex nibqgħu nirnexxu irridu nies li huma imħarrġa sewwa għall-opportunitajiet il-ġodda li f’diversi oqsma se jieħdu post opportunitajiet li għandna f’idejna llum.

Ir-rata tat-twelid f’pajjiżna jeħtieġ li tiġi indirizzata b’aktar miżuri strutturati. Il-fatt li bdiet diskussjoni estensiva dwar din ir-realtà huwa pass importanti. L-għarfien li hemm bżonn aktar twelid tat-tfal biex il-ġens Malti jibqa’ jiġgedded huwa diġà pass importanti ferm, iżda l-għarfien biss m’huwiex biżżejjed. Hemm bżonn ta’ niżġa ta’ inizjattivi li jsostnu lil min jagħmel l-għażla li jkollu l-ulied għax dan wkoll huwa l-investiment meħtieġ għall-futur ta’ pajjiżna.

Fid-dawl tal-fatt li pajjiżna qed isir aktar anzjan, jeħtieġ li jkollna strutturi li jindirizzaw il-ħtiġijiet li din ir-realtà iġġib magħha. L-anzjanità attiva m’għandhiex tkun biss kunċett fuq il-karta, iżda hemm bżonn li wieħed jagħraf iżjed il-kontribut li taw l-anzjani, kif ukoll il-kontribut li jistgħu jibqgħu jagħtu lil pajjiżna.

Titfassal it-triq ‘il quddiem man-nies

Ix-xejriet ekonomiċi li jseħħu madwarna fid-dinja, dejjem iħallu l-impatt tagħhom fuq l-attività ekonomika f’pajjiżna. Sal-lum għadna qed negħlbu dawk l-isfidi, iżda irridu naraw li nwettqu dak kollu meħtieġ biex pajjiżna ikun lest għal kull eventwalità. L-innovazzjoni u l-ispirtu qawwi ta’ intrapriża jibqgħu elementi importanti li nħeġġu biex nibqgħu nirnexxu. Kull inizjattiva li tattira investiment ġdid, kemm lokali u kemm barrani, trid tingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa filwaqt li jibqa’ jinħoloq ambjent ekonomiku li jagħti fiduċja.

Bosta qed jitkellmu dwar titjib fil-kwalità tal-ħajja li ngħixu. Il-gvern qiegħed jagħraf il-ħtieġa ta’ aktar bilanċ bejn l-attività ekonomika u l-mod kif qed jgħixu l-ħajja n-nies f’pajjiżna. Qed iseħħu inizjattivi importanti bhal investiment fi spazji miftuħa u inizjattivi oħra li jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda hemm bżonn ta’ aktar impenn biex il-gvern iwieġeb għas-sejħa li qed jagħmlu n-nies.

Il-gvern Laburista qiegħed iwettaq dak li wiegħed qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Qed iżomm mal-kelma li ta lin-nies, li fl-2022 taw it-tielet mandat elettorali. Il-gvern jeħtieġ li jibqa’ jara li jfassal triq ’il quddiem ibbażata fuq il-kisbiet li seħħew sal-lum, iżda t-triq ’il quddiem trid titfassal f’konverżazzjoni aktar miftuha mal-poplu Malti b’għarfien sħiħ tal-mod kif il-poplu Malti jara li għandu jseħħ fil-ġejjieni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport