Wednesday, October 29, 2025

Ngħiduha kif inhi

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

Il-Gvern ħabbar il-budget għas-sena 2026. Budget li juri biċ-ċar x’inhuma l-prijoritajiet tal-gvern. Gvern li mhux jitkellem dwar il-problemi imma li joffri s-soluzzjonijiet u li jkompli jibni fuq il-miżuri tas-snin l-imgħoddija.

Sostenn għall-familji

Bil-fatt u mhux bid-diskors, il-gvern qed jagħmel l-akbar investiment favur il-familji li għadhom it-tfal bir-rati ta’ taxxa l-ġodda għall-ġenituri. Rati li se jwasslu għal tnaqqis fit-taxxa mingħajr ebda preċedent immirat b’mod dirett għall-ġenituri. Dan huwa mod ċar kif il-gvern qed isostni lil familji u fuq kollox lil min qed irabbi lit-tfal.

Dan it-tnaqqis tat-taxxa qed jiġi wara li s-sena l-oħra il-gvern diġà ta l-akbar tax cut fl-aħħar snin. Tax cut li ħalliet il-miljuni fil-bwiet tal-ħaddiema u tal-familji Maltin. Issa permezz ta’ dan it-tnaqqis fit-taxxa, il-gvern qed jibgħat sinjal ċar dwar l-azzjoni li qed tittieħed u tkompli tittiehed favur aktar wild Maltin.

Stabbilità fil-kontijiet tad-dawl

Huwa fatt li l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma traħħsu meta ġie elett gvern Laburista fl-2013. Traħħis li ħaddiehor qal li ma jistax jsir. Ir-rati li ġew stabbiliti dak inhar għadhom l-istess illum. Minkejja l-pandemija, minkejja l-gwerer u l-instabbilità internazzjonali, minkejja li l-prezz internazzjonali tal-enerġija żdied fuq li żdied, il-gvern Laburista f’Malta għażel li jżomm il-prezz tad-dawl, l-ilma u l-fjuwils stabbli u baqgħu l-istess bhas-sena 2013.

Din hija għajnuna oħra kbira lill-familji. Għajnuna li l-PN irid ineħħi għax jgħid li mhux sostenibbli li tibqa’ tissussidja l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dan huwa l-istess PN li kien ivvota bil-qalb favur kontijiet għola. Din hija għajnuna diretta għall-famiji imma għajnuna lin-negozji u għajnuna biex nindirizzaw l-għoli tal-ħajja.

Gvern li jsaħħah il-finanzi waqt li jagħti lill-familji

Għal sena oħra, il-gvern ma introduċa ebda taxxa, ma għolla ebda taxxa, ta tax rebate b’saħħitha, saħħaġħ bosta benefiċċji soċjali inkluż il-pensjonijiet u fl-istess ħin qiegħed isaħħah il-qagħda finanzjarja tal-gvern. Il-piż tad-dejn fuq l-ekonomija qiegħed jonqos għaliex l-ekonomija baqgħet tikber u r-rata tad-deficit qiegħda dejjem tonqos.

Ħaddieħor daħħal lil pajjiżna fi proċedura ta’ excessive deficit procedure meta kien iffriża l-pensjonijiet, naqqas bosta benefiċċji u għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma tant li ġabhom l-akbar inkwiet għall-familji Maltin. Minkejja l-politika tal-awsterità, il-gvern Nazzjonalista xorta ma ġabx il-finanzi fis-sod għaliex la fehmu u lanqas qegħdin jifhmu li l-finanzi tal-pajjiż jissaħħu meta tixpruna t-tkabbir ekonomiku.

Sostenn lill-kbar u ż-żgħar

Dan huwa gvern li qed jaħseb f’kulħadd. Il-pensjonanti għal darba oħra qed jingħataw żieda massiċċa ta’ €10 fil-ġimgħa. Żieda oħra flimkien ma’ sensiela ta’ żidiet sena wara oħra. Qabel is-sena 2013, il-gvern Nazzjonalista kien jgħidilna biex naraw jekk nistgħux insostnu l-pensjonijiet baxxi li kellna dakinhar. Kien jara biss kif iżid l-età tal-pensjonijiet u mhux iżid il-pensjonijiet.

Issa l-istorja nbidlet u kompliet tinbidel. Il-gvern qiegħed isostni lill-pensjonati b’pensjonijiet dejjem aħjar b’żidiet kull sena.

Mill-banda l-oħra, lill-istudenti, dan il-budget qed jagħti żieda ta’ 15% fuq l-istipendji. Żieda b’saħħitha oħra għaż-żgħażagħ li qed ikomplu jistudjaw. Filwaqt li qed inkomplu ninvestu f’aktar istituzzjonijiet mill-aqwa għall-edukazzjoni ta’ uliedna,il-gvern qed ikompli jinvesti permezz ta’ aktar għajnuna lill-istudenti b’żieda fl-istipendji.

Għajnuna għax-xiri ta’ propjetà

Mill-ġdid, il-gvern qed jipproponi numru ta’ inizjattivi biex ngħinu aktar żgħażagħ u familji jixtru l-propjetà. Filwaqt li l-iskema ta’ first time buyers kienet skema li tiġi estiża minn sena għal oħra, issa din hija inizjattiva permanenti. Permezz ta’ bidla fil-liġi first time buyers se jibqgħu jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju importanti.

Mill-banda l-oħra, il-miżura biex tgħin ħalli binjiet f’żoni UCA jkunu bla taxxa sa €750,000 se titkompla. Dan huwa mezz kif il-proprjetajiet fil-qalba tal-lokalitajiet ma jitħallewx mitluqa u tingħata għajnuna favur aktar riġenerazzjoni f’dawn iż-żoni tant sbieħ f’pajjiżna.

Gvern li jibqa’ jinvesti f’pajjiżna

Flimkien ma’ dawn l-inzjattivi li se jagħmlu differenża kbira fil-hajja tan-nies, hemm numru kbir ta’ inzjattivi oħra li jħejju lil pajjiżna għall-futur. L-investiment fil-qalba digitali ta’ pajjiżna juri biċ-ċar kif nistgħu inkomplu inkabbru l-ekonomija tagħna fl-oqsma l-ġodda li qed jevolvu. Investiment li joħloq ix-xogħol, jgħin f’aktar taħriġ u fuq kollox iħejji lil pajjiżna għall-futur.

Dan huwa budget li jibgħat sinjal b’saħħtu favur pajjiżna, favur il-familji Maltin. Budget li juri biċ-ċar il-prijoritajiet u l-inizjattivi ta’ dan il-gvern, li se jitwettqu biex inwettqu l-viżjoni tagħna għal pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport