Kien hemm Prim Ministru li qal “Jekk ħemm bżonn jogħlew il-prezzijiet ħa jgħolew il-prezzijiet”. Ilha ftit din imma dik kienet il-politika dwar l-għoli tal-ħajja meta l-PN kien fil-Gvern lura fis-snin disgħin. Għaddew ftit snin u inbidel il-Kap tal-PN u Prim Ministru ieħor qal li kien se jivvota bil-qalb biex jibqgħu għoljin il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Żewg Prim Ministri Nazzjonalisti u l-politika tibqa’ l-istess, ma jinbidel xejn. Taħt Gvernjiet Nazzjonalista inti dejjem tibqa’ tħallas aktar. Hekk ħadmu meta kellhom il-poter f’idejhom. Illum qed jippruvaw jagħtuna x’naħsbu li għandhom xi pjan dwar l-għoli tal-ħajja. Qed jippruvaw jagħtuna x’nifhmu li għandhom xi rotta differenti.
Il-kliem faċli. Għall-wegħdi l-PN ma tantx hemm min jaqlibielhom. Drajniha l-istorja li l-ewwel iwegħdu l-ġenna fl-art imma kif il-poplu jafdhom malajr jerġgħu lura għal metodi li dejjem użaw.
Gvern li ndirizza l-għoli tal-ħajja bis-serjetà
Il-Gvern Laburista, minkejja l-isfidi li ffaċċaja li magħhom ġabu inflazzjoni qawwija, bil-fatti ħa passi biex jindirizza l-għoli tal-ħajja. Tal-PN qed jippruvaw jitkellmu dwar l-għoli tal-ħajja fl-aħħar ħames snin u jitkellmu qisu fl-aħħar ħames snin kien ħemm ċirkostanżi normali. Bħal donnu insew li fl-aħħar ħames snin id-dinja iffaċċjat pandemija u t-tensjonijiet partikolarment l-invażjoni Russa fl-Ukranja gabet għoli tal-prezzijiet qawwija.
Ma tistax ma ssemmix il-mod kif il-Gvern Laburista mill-2013 sal-lum ħadem fil-qasam tal-energija. Deċiżjoni waħda wara oħra wasslu biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma u deċiżjonijiet biex iżommu l-kontijiet stabbli minkejja ż-żidijiet internazzjonali fil-prezz tal-energija. Dan il-Gvern b’ħekk ikkontribwixxa biex jigi indirizzat l-għoli tal-ħajja billi tnaqqset il-pressjoni fuq il-prezzijiet għaliex l-prezz tal-energija baqa’ stabbli. Pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea spiċċaw b’ħafna negożji jogħtru għaliex il-prezzijiet tal-enerġija sparaw ‘l fuq. Dwar dan il-qasam, il-PN għadu tal-istess feħema u ma jidħirx li għandhom ħsieb differenti minn dak li kienu jħaddnu qabel.
Aktar flus fil-but għal kulħadd
L-anzjani kienu qed jaraw il-livell tal-għajxien tagħhom sejjer lura tħat Gvern tal-PN. Apparti l-piż li kienu qed jerfgħu, il-pensjonijiet kienu jiżdiedu biss billi jieħdu parti miż-żjieda għall-għoli tal-ħajja. Illum, il-Gvern qed jiggarantixxi livell ta’ għajxien aħjar għall-anzjani bil-pensjonijiet li qed jiżdiedu sena wara oħra, anke aktar miż-żjieda statutorja li tingħata għall-għoli tal-ħajja. Pensjonijet li qed joffru dħul aktar diċenti flimkien ma’ bosta servizzi oħra li l-pensjonanti qed jingħataw f’oqsma bħas-settur tas-saħħa, aktar mediċini u servizzi fil-kommunità.
Il-familji kollħa qed jibbenefikaw minn aktar flus fil-but. Apparti li qed naraw aktar nies bi dħul għola, din s-sena, it-tnaqqis fl-income tax se jħalli aktar flus fi bwiet il-familji. Tnaqqis fit-taxxa li qed iħalli impatt qawwi pożittiv apparti tnaqqis ieħor li seħħ fl-aħħar snin kif ukoll pagamenti li kull sena il-Gvern qed jagħti lil kull min iħallas it-taxxa. Il-PN kien għamel wegħda ta’ tnaqqis tat-taxxa imma meta kien fil-Gvern kull ma għamel kien li sab kull skuża biex ma jwettaqqhiex.
Fl-aħħar snin, il-Gvern Laburista wettaq diversi miżuri li jgħinu lil familji li jkollhom dħul aqwa. Se nsemmi uħud fosthom iż-żieda fil-paga minima, l-introduzzjoni ta’ żieda addizzjonali għal min għandu dħul baxx, tapering of benefits għal min jidħol fid-dinja tax-xogħol, żidiet bla preċedent fic-children’s allowance flimkien ma għajnuniet oħra għall-ġenituri. L-iskema Stabiltà wkoll ħalliet impatt pożittiv grazzi għall-fteħim li wettaq il-Gvern biex prezzijiet ta’ oggetti essenzjali jiġu mraħħsa jew jibqgħu l-istess.
Gvern li joħloq ix-xogħol
Dan il-Gvern jibqa’ kommess li jkun il-Gvern tal-ħolqien tax-xogħol. Gvern li jieħu l-passi kollha meħtiega biex f’dan il-pajjiż jibqa’ jinħoloq il-gid. L-għoli tal-ħajja qed jiġi ndirizzat b’mezzi konkreti. Dejjem hemm aktar xi jsir, iżda biex isir irridu nassiguraw aktar ħolqien ta’ gid fil-pajjiż. Tal-PN jippruvaw idoqqu diska biex il-poplu jismagħhom sbieħ. Imma n-nies jafu min għamel l-għażliet favurihom meta kien fil-Gvern u min għabbihom bil-piżijiet. Iż-żmien ikompli jtina parir li dan il-Gvern se jibqa’ jagħmel l-għażliet favur in-nies u ħaddieħor jibqa’ mfakkar b’dak li qalu l-mexxejja tal-passat.