X’ħasbu dawn li l-Parlament xi tejatrin jew xi post tal-fares? L-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż hekk jixirqilħa? Liż-żgħażagħ x’messaġġ qed jibgħatulhom meta jagħżlu li jagħmlu l-ħmerijiet u l-atti bla dekor li għażlu li għamlu fis-seduta ta’ ġimgħa ilu?
Forsi inti li qed taqra qed taħseb li qed nirreferi għall-att mingħajr preċedent tal-Onorevoli (jekk jixraq it-titlu) Paula Mifsud Bonnici. Qatt ma niftakar li kien ħemm membru parlamentari li mar quddiem il-camera tax-xandir waqt id-diskors tal-Prim Ministru biex jgħatti l-viżwal. Tippredendix li ssirilħa lapida biex infakkru din l-istorja.
Aktar milli din il-purċinellata, irrid insemmi li l-Kap Alex Borg, minflok għamel l-għażla dekoruża li wieħed jistenna minn Kap tal-Oppożizzjoni u waqqaf dak l-aġir, kien minn tal-ewwel biex iħabbat u jinkoraġġixxi il-pastażata li saret. Mur ġib lil Borg Olivier jew lil Fenech Adami jagħmlu biċċa xogħol bħal din.
Imma donnu l-Partit Nazzjonalista spiċċa partit li jibdel il-mexxej u l-istandards tiegħu dejjem sejjrin lura.
In-nies jistennew aħjar
Il-Kap Alex Borg wiegħed li se jagħmel politka b’mod differenti. Li se jkun xi forza ta’ bidla imma sa ċertu punt, vera qed jagħmel il-politika b’mod differenti għaliex dak li sar il-ġimgħa li għaddiet qatt ma sar. Nistaqsi, imma dan il-Kap qed jaħseb li b’dan l-aġir se tmexxi pajjiż? B’dan l-aġir se twassal għat-tkabbir ekonomiku, għall-ħolqien tax-xogħol, għall-ġenerazzjoni tal-ġid? Se tagħmel dak li għandu bżonn il-pajjiż biex isserraħ moħħ in-nies li pajjiżna jinsab f’idejn tmexxija tajba?
Qed jgħaddu l-ġimgħat u kull ma jmur in-nies qed jagħrfu iżjed xi jsarraf Alex Borg mhux minn kliemu l-aktar imma minn għemilu. Kap li jidħer li aktar milli more of the same, qed isr il-kap worse than ever before. Mhux aktar mir-riċetta tas-soltu imma kap li qed idaħħal riċetta agħar minn ta’ qabel.
Ħasra, għax bosta kienu dawk li kienu qed jistennew li Alex Borg kien se jkun xi nifs ġdid fil-politika. Imma ż-żmien qed juri li Alex Borg, bħall-PN, minn dak li jingħad qabel l-elezzjoni, wara l-elezzjoni ma jkun ħemm xejn.
Iridha li qed iressaq proposti
Alex Borg ried jibgħat sinjal li qed iressaq il-proposti u li huwa xi forza politika li se ġġib bidla. Ta’ min jinnota li fl-aħħar tad-diskors tiegħu, Borg għamel lista ta’ affarijiet jew proposti li meta tiflihom tinnota li l-maġġoranża tagħhom huma affarijiet li saru, jew qed isiru jew qed isiru t-tħejjijiet biex isiru. L-analiżi tal-hekk imsejħa proposti tiegħu forsi għal bidu taw l-impressjoni li hemm il-kontenut iżda meta wieħed jiflihom isib li ma tantx hemm wisq ġdid.
Meta jitressqu proposti dawn għandhom ikunu studjati u bħal ma dejjem sar min-naħa tal-Partit Laburista, dawn il-proposti iridu jkunu sostnuti minn pjan ċar u ħsieb ta’ kif jitwettqu. Li taqbad u tfajjar l-affarijiet ma jagħtix lok għall-kredibiltà. Faċli li wieħed jaqbad iwiegħed kollox lil kulħadd. Il-politika m’għandħiex issir hekk.
Minn dan l-aspett, fid-diskorsi tal-ġimgħa li għaddiet, kompla ħareġ biċ-ċar id-differenza bejn il-Prim MInistru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Żewġ diskorsi li jagħtu stampa ċara taż-żewġ mexxejja ewlenin ta’ pajjiżna. Minn banda Prim MInistru li juri ħidma ta’ gvern li jaf fejn irid jieħu lil pajjiżna u kif irid iwassal lil pajjiżna f’dik id-direzzjoni u mill-banda l-oħra, Kap tal-Oppożizzjoni li jipprova jdoqq id-diska skond l-udjenza li jkollu quddiemu.
Gvern li jibqa’ joħloq il-ġid għal kulħadd.
Lil hinn mill-azzjonijiet inaċċettabbli tal-Oppożizzjoni matul il-ġimgħa li għaddiet, fl-aħħar jiem kompla ħareġ biċ-ċar li pajjiżna għandu gvern li qed jimxi ma’ pjan ċar li jara li l-ġid jasal għand kulħadd. Gvern li fl-aħħar snin, sena wara oħra, ta d-direzzjoni lil pajjiżna li wasslet għal aktat tkabbir ekonomiku, aktar ħolqien ta’ xogħol , aktar ħolqien ta’ ġid. Imma dan huwa marbut ma’ ħidma li qed twassal biex il-ġid jitwassal għand kulħadd biż-żieda fil-pensjonijiet u bit-tisħiħ f’diversi benefiċċji soċjali. Jasal għand kulħadd bit-tnaqqis fit-taxxa u bl-investiment qawwi li qed isir f’bosta setturi bħas-saħħa u l-edukazzjoni.
Mill-2013 ‘l ħawn, il-Partit Laburista b’mod konsisteni wera bis-sħiħ kif irid jara li l-pajjiżna isir il-pajjiż tas-suċċessi. Pajjiż tal-opportunitajiet mill-aktar wiesgħa. Pajjiż li jwettaq bil-fatti l-ġustizzja soċjali. Dik hija l-ħidma bis-serjeta’ li qed isseħħ għad-differenza ta’ oppożizzjoni li ntilfet fil-ħmerijiet bħal dawk li għażlet li tagħmel il-ġimgħa l-oħra fil-Parlament.

