Malta tibqa’ tagħmel suċċess. Suċċess li bih se jibqa’ jġawdi pajjiżna u fuq kollox se jibqa’ jgawdi minnu kulħadd. L-aħbar li l-ekonomija ta’ pajjiżna għandha l-akbar rata ta’ tkabbir fl-Unjoni Ewropea ħija aħbar mill-isbaħ iżda għan-nies eżattament din xi tfisser? Jeħtieġ li jiġi diskuss aktar dan il-punt għaliex minn kummenti ta’ nies varji tinnota li bħal donnu m’hemmx biżżejjed għarfien dwar kemm hu importanti li l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ tikber.
Meta pajjiż ma jkollux tkabbir ekonomiku, l-ewwel daqqa jeħduha l-ħaddiema. Nuqqas ta’ attività ekonomika tfisser nuqqas ta’ ħolqien ta’ xogħol. Tiftakru meta f’pajjiżna l-qagħad kien aktar minn 8,000 ruħ? Tiftakru meta kien hemm għatx kbir għax-xogħol u kien hemm żmien fejn anke żgħażagħ ħerġin mill-università kienu jsibuha diffiċli biex jibdew jaħdmu?
Differenza meta jseħħ it-tkabbir
Id-differenza bejn dakinħar u llum hija waħda. It-tkabbir ekonomiku. L-attività ekonomika hija l-unika mezz biex jinħoloq il-ġid. Il-gvern biex iqassam il-ġid, l-ewwel irid jara kif jinħoloq il-ġid. Biex il-gvern jiġbor it-taxxi u jagħti l-għajnuniet li qed jingħataw, irid ikun hemm ġid ekonomiku fuq xiex jintaxxa.
Irridu nfakkru li l-gvern qed jiġbor aktar mħux għax għolla t-taxxi, anzi, qed jiġbor aktar minkejja li qed iraħħas it-taxxi. Dan jista’ jsir għaliex hemm it-tkabbir ekonomiku, xejn iżjed u xejn inqas.
L-investimenti li qegħdin inwettqu f’pajjiżna huma kollha frott tat-tkabbir ekonomiku għal żewġ raġunijiet. Minn banda, dawn l-investimenti jistgħu isiru għaliex hemm il-mezzi li nagħmlu dawn l-investimenti. Mill-banda l-oħra, hemm l-aspett li l-ekonomija ta’ pajjiżna tispira fiduċja li jwassal biex pajjiżna jattira investiment għax għandu ekonomija li qed tagħmel suċċess.
Aktar ħaddiema
It-tkabbir ekonomiku ġab miegħu il-ħtieġa li nġibu aktar ħaddiema għaliex ħaddiema Maltin m’hawnx biżżejjed. Li xi ħadd imur jgħid li l-ħaddiema barranin qed jieħdu x-xogħol tal-Maltin ma tantx treġġi meta l-qagħad f’pajjiżna qiegħed fl-iktar livell baxx li qatt nafuh. Kieku kien il-każ li qed jiġu barranin u l-Maltin jinsabu bla xogħol kienet tkun storja oħra. Fil-preżent mhuwiex il-każ.
L-attività ekonomika dejjem iġġib attività oħra magħha. Insemmu l-kwistjoni tat-traffiku. It-traffiku ifisser aktar karozzi fit-triq. Issa ħalli nsemmu ħaġa importanti ferm. Jekk wieħed jara n-numru ta’ nies li kienu jaħdmu għaxar snin ilu u kemm hemm nies jaħdmu llum, wieħed jinnota ż-żieda qawwija fin-numru ta’ ħaddiema f’pajjiżna. Aktar ma jkollok nies li qed joħorġu għax-xogħol, aktar se jkollok min jivvjaġġa minn u lejn ix-xogħol. Filwaqt li wieħed irid jinċentiva mezzi alternattivi ta’ trasport wieħed irid jinnota li ż-żieda fl-attività ekonomika tfisser wkoll żieda fit-traġitti li jagħmlu n-nies.
It-tkabbir joħloq ix-xogħol
Dan it-tkabbir ekonomiku ma seħħx għaliex ġew aktar ħaddiema barranin fostna. Il-ħaddiema barranin qed jiġu fostna għax ħawn il-ħtieġa tagħhom. Min jgħid mod ieħor, qatt ma jispjega kif se jimla’ l-postijiet tax-xogħol li dawn jokkupaw illum. Min biex jindirizza l-preżenza tal-ħaddiema barranin fostna irid jagħti xi idea li nnaqqsu r-ritmu ekonomiku qed jikkundanna l-ġid li qed jinħoloq fil-pajjiż u qed jipperikola l-futur.
Jeħtieġ li f’pajjiżna ikollna għarfien akbar dwar is-suċċess li qed inwettqu. Nifħmu aħjar fejn huma l-affarijiet li hemm bżonn li nindirizzaw u li nfittxu soluzzjonijiet serji bbażati fuq fatti u riflessjoni matura. Bl-istess mod irridu naraw li nsaħħu setturi li għandna fostna li jsostnu t-tkabbir ekonomiku permezz ta’ investiment aktar kapitali u investiment ta’ ħiliet speċjalizzati bħalma qed jiġri fil-qasam tal-Intelliġenża Artifiċjali.
Huwa importanti li nfasslu l-ġejjieni ta’ pajjiżna b’mod li nissalvagwardjaw il-ħolqien tal-ġid u tax-xogħol b’mod aktar sostenibbli. Fl-istess ħin għandna nirrikonoxxu l-vera ħtiġijiet ta’ pajjiżna. Din hija t-triq li għandna bżonn nimxu flimkien fiż-żmien li ġej.

