Il-jiem ta’ diskussjoni tal-budget fil-Parlament komplew joħorġu d-differenza bejn iż-żewġ naħat ta’ Kamra. Min-naħa, il-gvern qed joffri viżjoni għal pajjiżna, jagħmel investiment fin-nies, isaħħaħ il-qafas soċjali ta’ pajjiżna u joffri l-wens meħtieġ biex il-familji Maltin u Għawdxin ikomplu jirnexxu.
Mill-banda l-oħra, qed tkompli tidher kemm hija nieqsa mill-ideat, kemm kull ma jinteressaha ħuwa li tipprova timpressjona bin-neġattività u fuq kollox mitlufa biex tpinġi stampa li ma tirrifelttix il-qagħda ta’ pajjiżna.
Tmexxija Ekonomika
Il-gvern immexxi mill-Partit Laburista sa mill-2013 sal-lum, ta lil pajjiżna direzzjoni ekonomika li qed toffri suċċess. L-idea tal-PN li tipprova tpinġi dan is-suċċess ta’ pajjiżna bħala nuqqas huwa għal kollox żbaljat. Pajjiżna qabad rankatura ekonomika li sal-2013 ma kienx joħlomha. L-andament ekonomiku kien wieħed baxx ħafna u pajjiżna ma kienx qed jirnexxilu jisfrutta sewwa il-potenzjal tiegħu.
Mhux ta’ b’xejn f’sondaġġ wara ieħor, il-maġġoranza tal-poplu Malti tikkonferma li għandha fiduċja fit-tmexxija ekonomika ta’ gvern Laburista. Lanqas titwemmen, imma vera, li esponenti nazzjonalisti bħal Dione Borg imur fuq programm tar-radju u jinsisti li qabel l-2013 pajjiżna kellu ekonomija b’saħħitha.
Meta f’pajjiżna kellna rekord ta’ qgħad, għall-esponenti tal-PN din kienet ekonomija b’saħħitħa. Meta f’pajjiżna kellna miżuri ta’ awsterita’ li jtaqqlu lill-familji Maltin u Għawdxin u xorta ma kellniex finanzi pubbliċi fis-sod, għall-esponenti tal-PN din kienet ekonomija b’saħħitha. Għall-esponenti tal-PN, meta l-istituzzjonijiet tal-kreditu kienu qed jitfgħuna lura fir-ratings ta’ pajjiżna, dak kien sinjal ta’ ekonomija b’saħħitha.
Tisma’ dawn l-affarijiet, mhux ta’ b’xejn tifħem għalfejn in-nies m’għandhomx fiduċja fit-tmexxija ekonomika tal-PN u jibqgħu juru fiduċja fit-tmexxija ekonomika tal-Partit Laburista.
Mis-suċċess igawdi kulħadd
Mhux biżżejjed li f’pajjiż iseħħ suċċess ekonomiku imma gvern għandu jara li dak is-suċċess iġawdi minnu kulħadd. Il-gvern Laburista dan qed iwettqu b’miżuri konkreti u li tajjeb li wieħed ikompli iffesser kif dan qed iseħħ. Fl-intervista li kellu l-Prim Ministru Robert Abela il-Ħadd li għadda, reġa’ fakkar kif is-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna qed iwassal biex ikollna l-ġid meħtieġ biex insostnu tant miżuri importanti għal pajjiżna.
Biex jitqassam il-ġid, l-ewwel trid tara li jinħoloq il-ġid. Mill-2013, il-gvern imexxi mill-Partit Laburista ħaddem sewwa dan il-prinċipju. Il-ħolqien tal-ġid wassal biex f’pajjiżna jinħoloq ix-xogħol b’rata mingħajr preċedent. Il-qagħad illum huwa xi ħaġa li m’għadniex niddiskutu imma niddiskutu kemm hemm bżonn aktar ħaddiema biex jimlew il-postijiet tax-xogħol li inħolqu.
Id-dinja tax-xogħol tat opportunitajiet ġodda biex illum għandna l-akbar parteċipazzjoni ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol. Iż-żieda tan-nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol mill-2013 sal-lum hija rata impressjonanti. Dan huwa mod ieħor kif titwettaq l-ugwaljanza f’pajjiżna u tati aktar opportunità ta’ dħul lill-familji.
It-tkabbir ekonomiku li seħħ kompla jsaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern b’tali li mod li l-gvern, sena wara oħra, ta żjidiet sostanżjali lill-pensjonanti meta fiż-żmien li Dione Borg jgħid li kien hemm ekonomija b’saħħitħa, il-gvern tal-PN kien jiddiskuti jekk il-pensjonijiet humiex sostenibbli jew le.
Aktar investiment għan-nies
Apparti ż-żidiet li semmejt aktar kmieni, il-gvern qed ikompli jinvesti u jwettaq proġetti li se jgawdi minnhom kulħadd. In-numru kbir ta’ proġetti li qed jitwettqu u oħrajn li qed jitħabbru biex ikollna aktar spazji miftuħa f’pajjiżna huwa mingħajr preċedent. Project Green qed twettaq proġetti f’diversi żoni f’pajjiżna. Mill-Imqabba sal-Fgura sa Baħar iċ-Ċagħaq apparti l-proġett kbir li sar f’Ta’ Qali.
Flimkien ma’ dawn tħabbru proġetti oħra li se jagħtu aktar spażji miftuħa. Manoel Island, iż-żona magħrufa bħala Wħite Roċks u ż-żona tal-Forti Campbell f’Selmun kollha issa identifikati biex isiru spazji miftuħa.
Dawn huma investimenti meħtieġa u li se jagħtu lin-nies dak li qed jistennew u li jifformaw parti minn waħda mill-akbar wegħdi li saru mill-gvern Laburista. Huma inżijattivi maħsuba biex pajjiżna kollu jgawdi mis-suċċess li qed inwettqu.
Dak li qed jitfassal mill-gvern għall-pajjiżna ta il-frott u se jkompli jagħti l-frott.

