Wednesday, December 3, 2025

Ngħiduha kif inhi 

Aqra wkoll

Id-dinja qed tinbidel b’rata mgħaġġla ferm aktar minn qatt qabel. Fil-ġirja bla heda biex nippruvaw inlaħħqu ma’ dak li qed iseħħ u jinbidel, hemm bżonn li niefqu ftit u nistaqsu ftit mistoqsijiet lilna nfusna biex nifħmu naqra sewwa dak li għaddej.

Aspett li qed jaħkem ħafna mill-ħin tagħna huwa l-użu tal-medja soċjali. F’idejna l-mobile, għajnejna mwaħħal mal-iscreen, u b’subagħajna jew immexxu lejn ix-xellug u l-lemin jew nagħtu daqqa ’l fuq biex naraw dak li jmiss jitla fuq li screen wara dak ir-reel jew profil li qed naraw.

Tħares madwarek u lejk inniffsek u tinnota kemm ħin qed jiġi użat jew moħli imwaħħlin fl-istess pożizzjoni. Nirreaġixxu għal dak li qed tippreżentalna l-medja soċjali. Marbut ma’ dan l-impenn qawwi li tant u tant persuni, ta’ kull jum jiddedikaw lilhom infushom biex jaraw dak li se jitellgħu fuq il-medja soċjali.

Bħal donnu, l-mod kif nikkomunikaw qed isir dejjem aktar permezz tal-mezzi tal-medja soċjali. Il-preżenza tagħna fuq il-medja soċjali saret importanti wisq għalina u l-indokrar kollu li qed isir dwar kif wieħed għandu jidher fuq il-medja soċjali biex jattira l-attenzjoni hija xi ħaġa inkredibbli.

Il-medja soċjali hija għal kulħadd?

Id-domanda li qed tqum b’ċertu persistenza, hija jekk għandux ikun hemm restrizzjonijiet fuq l-użu tal-medja soċjali speċjalment mit-tfal. Din hija domanda importanti ħafna li niddiskutu u nagħtu t-tweġibiet għaliħa. Ilkoll nafu x’kontenut varjat hemm fuq il-medja soċjali. Kollox taf issib quddiem għajnejk. Xi jkun imiss jitla’ fuq l-iscreen tal-mobile mhux determinat minnek imma minn algorithm li qajla għandna kontroll fuqha.

Ikoll nafu li llum it-tfal sa minn ċkunithom qed jitrawwmu li l-ħin kollu jkollhom mobile jew tablet f’idejhom. Nistaqsi, it-tfal għadhom isibu l-ġugarelli attraenti? Bosta qed iqajmu mistoqsijiet, x’qed ikun l-effett fuq it-tfal bilqiegħda jew mixħutin fuq sufan jew xi mkien iqallbu biex jaraw dak li se toffrilhom il-medja soċjali?

It-tfal nemmnu li għandhom ikunu protetti mill-ħażen. L-innoċenza tat-tfal hija xi ħaġa li għandha tiġi mħarsa, iżda b’dak li qed iseħħ madwarna, dan qed isir? Kif ngħidu, il-kelma twissi imma l-eżempju jkaxkar. It-tfal għalxiex qed ikunu esposti fil-ħin bla tarf b’aċċess bla limitu għal medja soċjali? Liema eżempju qed ikaxkarhom?

Bżonn ta’ diskussjoni strutturata

Għalhekk, hemm ħtieġa mingħajr aktar dewmien ta’ diskussjoni strutturata. Diskussjoni li tkun infurmata u mhux it-tip ta’ diskussjoni fejn kulħadd ifajjar bl-addoċċ kif tgħajja tara fuq il-medja soċjali. Imma din id-diskussjoni trid tkun strutturata bil-għan li jittieħdu d-deċiżjonijiet.

It-tfal tal-lum huma l-adulti t’għada. It-trobbija li qed isseħħ illum hija l-formazzjoni tas-soċjetà t’għada. Il-formoli li ntużaw ilbieraħ f’dinja li kienet għalkollox differenti f’ħafna ċirkostanzi m’għadhomx aktar ta’ użu. Inutli ngħidu li lbieraħ kien aħjar, jew li qabel l-affarijiet kienu isbaħ. Dak id-diskors mhu se jwassal imkien.

Irridu nifhmu s-soċjetà tal-lum aħjar, Irridu nifhmu kif se tkun is-soċjetà t’għada aktar. L-għażliet biex insaħħu fejn meħtieġ fis-soċjetà tagħna iridu jittieħdu llum u mingħajr ħafna dewmien iżda bi ħsieb mhux bl-addoċċ.

Li mmexxu skont is-sentiment fuq il-Facebook mhux neċessarjament tkun l-aħjar għażla.

Affarijiet Pożittivi

Il-medja soċjali hija pjattaforma għal kontenut varjat. Tiltaqa’ ma’ kull suġġett, idea, persunaġġ, vulgarità, messaġġ pożittiv, messaġġi negattivi, messaġġi foloz, argumenti utli u oħrajn b’nuqqas ta’ sustanza.

Interessanti dak li qed jagħmel Kurt Meli partikolarment fuq tik-tok. Qed juża dan il-mezz biex b’mod innovattiv u bi stil kontemporanju għall-aħħar, jispjega u jfisser kif jinkiteb Malti tajjeb. Interessanti kif jaqsam b’mod li jista’ jinftiehem l-etimoloġija tal-kliem, jew fi kliem ieħor minn fejn il-kliem oriġina fl-ilsien Malti.

Inizjattivi bħal dawn juru kemm kull mezz ta’ kommunikazzjoni jista’ jkun sors ta’ tagħlim u li jħalli impatt pożittiv fuq is-soċjetà. Imma l-algorithm turik il-profil ta’ kurt-rumbajsa kif inhu magħruf Kurt Meli? Jekk le nissuġġerilek tfittxu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport