Wednesday, December 17, 2025

Ngħiduha Kif Inhi 

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

Mela l-PN dam erba’ snin biex jippreżenta l-kontijiet awditjati tiegħu. Erba’ snin iwaħħal f’kulħadd għaliex kien qiegħed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Il-partit ta’ dawk li jipprietkaw is-saltna tad-dritt imma li jemmnu li għandhom id-dritt għas-saltna, kienu kuntenti li jaħdmu f’partit li għal snin sħaħ kien qed jikser il-liġi.

Dawn li jriduha tal-puri aktar mill-puri issa ressqu l-kontijiet tagħhom mhux talli damu erba’ snin biex iressquhom imma irnexxilhom jisparixxu parti mid-dejn li kienu qalu li għandhom. Din aqwa. Mela xi żmien ilu, wieħed mill-kapi tal-PN li beda bħala Kap tal-Oppożizzjoni u spiċċa bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, kien qal b’mod solenni li d-dejn tal-PN kien ta’ aktar minn €32 miljun.

Il-kliem kien iebes u stqarr li ried ikun mexxej u trasparenti. Wieħed jifhem, li Bernard Grech ried juri l-qagħda imwiegħra finanzjarja tal-PN. Ried juri s-salib finanzjarju li kellu fuq spallejh bħala kap tal-oppożizzjoni. Tifħem, li l-partitarji kellhom ikunu jafu dan kollu u dan id-diskors kellu jingħad biex il-partitarji tal-PN ikunu jafu l-gravità tas-sitwazzjoni.

Ħafna kienu jinterpretaw il-mod kif kien ħabbar dan Bernard Grech bħala mezz kif wieħed jispjega għalfejn il-PN ma jistax jieħu r-ruħ. Għalfejn il-PN ma setgħax jikkampanja b’mod b’saħħtu. Għalfejn il-PN għandu mażżra m’għonqu li jrid iġorr fil-ħidma tiegħu.

Kontijiet li ħolqu aktar mistoqsijiet

Issa feġġ Alex Borg, il-kap il-ġdid li b’tant pompa qed jurina x’għamel fl-ewwel 100 jum mill-elezzjoni tiegħu. Il-PN qed jipprova jpinġi dan l-avveniment bħala xi żmien ta’ akkwist kbir għall-PN. F’għeluq il-100 jum mill-elezzjoni ta’ Alex Borg, il-PN mar jippreżenta l-kontijiet awditjati tiegħu. S’hawn kollox sew imma dan l-avveniment qisu aktar ħoloq mistoqsijiet milli ta tweġibiet.

L-ewwel mistoqsija li tiġik f’moħħok hija din – għalfejn Alex Borg lesta l-kontijiet awditjati f’mitt jum u ħaddieħor baqa ma kkonkludiex dawn il-kontijeit awditajti? Fi żmien Bernard Grech u qabel, x’kien qed iżomm biex dawn il-kontijiet tal-PN jitlestew u jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Elettorali kif titlob il-liġi? Kien hemm min ried iżommhom lura jew ġara xi ħaġa li s’issa mhux qed nifhmu?

Imbagħad jiġu mistoqsijiet oħra fuq dak li ġie ppreżentat. Mela sa ftit tal-ġimgħat ilu, is-Segretarju Ġenerali Bonello rrepeta bosta drabi li d-dejn huwa l-istess bħalma kien qal Bernard Grech. Xejn ma nbidel kien qal f’intervista. Issa oħroġ il-għaġeb, il-kontijiet li damu erba’ snin biex lestewhom mħux talli lestewhom talli qed juru stampa differenti minn dik li stqarru Bernard Grech u Charles Bonello.

Jogħsfru €20 miljun dejn

F’daqqa waħda, f’leħħa ta’ berqa, f’tebqa’ t’għajn, mingħajr ebda raġuni u spjegazzjoni id-dejn tal-PN jinżel u jonqos b’mod drastiku. Il-kontijiet li ilhom biex jippreżentaw 4 snin taw stampa kompletament differenti minn dik li kienet qed tingħata. Kif jgħidu l-Inġliżi the plot tickens.

Ħadd għadu ma fehem kif id-dejn naqas. Ħadd għadu ma fehem x’kontijiet awditajti ppreżentaw. Jew il-kontijiet li ppreżentaw mhux juru s-sitwazzjoni attwali tal-PN jew inkella, Bernard Grech u Charles Bonello kienu qed iħawwdu fin-numri.

Ma tantx tinżillek li €20 milljun dejn jonqos f’kemm ili ngħidlek. Allura wieħed jistaqsi x’kienet il-logħba tal-PN jew x’inhi l-logħba li qed jilagħbu bil-finanzi tagħhom?

Partit li ma tistax tafdah

Din il-ġrajja tad-dejn jisparixxi mill-kotba tal-PN hija ġrajja li tixhed bosta affarijiet. Tixhed il-qagħda tal-PN u kemm il-PN ma tistax tafdah. Turi b’mod ċar id-diżordni u n-nuqqas ta’ trasparenza fil-PN fit-tmexxija tiegħu. Min iħawwad fit-tmexxija tal-Partit b’mod partikolari fil-finanzi tal-partit tista tafdah bit-tmexxija tal-gvern?

Is-serjetà titlob mod ieħor. Min qed jippreżenta lilu nnifsu bħala tmexxija alternattiva irid juri bl-azzjonijiet tiegħu li ħuwa serju. Dawn il-paprati jikkonfermaw kemm il-PN mhux ta’ min tafdah. Ħawwdu u gerfxu bil-finanżi tagħhom stess aħseb u ara kemm iħawwdu u jgerfxu fil-finanzi tal-pajjiż.

Alex Borg fl-ewwel mitt jum żamm mal-wegħda li jippreżenta l-kontijiet awditati tal-PN lill-kummissjoni elettorali. Imma Alex Borg qatt ma qalilna li se jippreżenta kontijiet li ma jagħmlux sens u li joħolqu aktar domdani milli jagħtu tweġibiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport