Il-bidu tas-sena ġab miegħu numru kbir ta’ miżuri li tħabbru fil-baġit għal din is-sena. Miżuri li se jagħmlu differenza lil bosta familji u persuni Maltin u Għawdxin. Iż-żidiet fil-pensjonijiet, it-tisħiħ ta’ diversi miżuri soċjali u l-intorduzzjoni ta’ tax cut għal ġenituri li qed irabbu se jħallu fi bwiet in-nies miljuni kbar ta’ euro.
Id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri se jkomplu jħallu impatt pożittiv fuq kulħadd u huma r-riżultat ta’ għażliet tajba li għamel il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela. Għażliet li minkejja l-għawġ u l-isfidi li ffaċċja pajjiżna fl-aħħar snin, il-Gvern xorta għamel għażliet li wera li kien fuq in-naħa tan-nies. Għażliet li taw is-sostenn lil familji u li raw li ma jintefax piż fuq il-poplu.
Dawn huma għażliet li jikkaratterizzaw it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela għal dawn is-sitt snin minn meta ħa l-ġurament għall-ewwel darba bħala Prim Ministru. Sitt snin ta’ sfidi kontinwi iżda li matulhom seħħ suċċess wieħed wara l-ieħor. Snin li fihom minkejja l-qagħda imwegħra internazzjonali pajjiżna xorta waħda irreġistra tkabbir ekonomiku, rata ta’ ħolqien ta’ xogħol b’saħħitha u l-inqas rata ta’ qagħad.
In-nies l-ewwel
Minkejja li l-qagħda internazzjonali rat diversi realtajiet diffiċli fosthom pandemija, il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja, id-direzzjoni li ngħata l-pajjiż dejjem poġġiet lin-nies l-ewwel. Minkejja li kien hemm kull raġuni għaliex jiddaħħlu miżuri ta’ awsterità, pajjiżna mexa f’direzzjoni differenti. Pajjiżna investa fin-nies u l-Gvern immexxi mill-PM Robert Abela dejjem ra kif inaqqas mill-impatt.
Ta’ min wieħed jgħid li dan seta’ jsir għaliex pajjiżna mill-2013 sal-lum kellu ekonomija li dejjem kienet qed tikber. It-tkattir tal-ġid fil-pajjiż wassal biex pajjiżna seta’ fiż-żmien tal-għawġ jinvesti fin-nies flok kif kien jagħmel il-Gvern ta’ GonziPN, jgħabbi lin-nies b’piżijiet ġoffi.
Snin ta’ Kisbiet
L-aħħar sitt snin komplew jibnu fuq is-suċċess li pajjiżna kien beda jikseb u jistgħu jitqiesu bħala snin ta’ kisbiet għall-familji Maltin u Għawdxin u għall pajjiżna. Il-poplu Malti ra l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ tikber. Minkejja l-pressjonijiet internazzjonali, pajjiżna għandu stabbiltà fil-prezz tal-enerġija. It-tisħiħ fil-qasam soċjali huwa wieħed kbir u li minnu qed jibbenefikaw bosta persuni ta’ etajiet differenti mħux l-inqas l-anzjani li qed jaraw żjidiet b’saħħithom fil-pensjonijiet.
Dawn il-kisbijiet mħux biss huma ta’ benefiċċju għall-poplu Malti fil-preżent, imma jawguraw għaż-żmien li ġej. Huma bażi ta’ aktar ġustizzja soċjali f’pajjiżna, ta’ tqassim ta’ ġid li jkompli jinħoloq.
It-triq ’il qudiem
Il-kisbiet huma riżultat ta’ għażliet u ta’ xogħol li sar. Fil-politika mhux biss trid tfisser dak li nkiseb bl-għażliet tal-bieraħ, iżda il-politika hija l-proċess tal-għażliet tal-lum li se jkomplu jfasslu l-ġejjieni. F’dan ir-rigward it-tfassil tal-Viżjoni 2050 huwa pass importanti u fid-direzzjoni t-tajba. Dokument ta’ viżjoni li se jgħin nagħmlu l-għażliet meħtieġa biex pajjiżna jibqa’ pajjiż ta’ suċċess.
Tibqa’ l-bażi ta’ kollox il-ħtieġa tal-investiment fit-tagħlim u fl-edukazzjoni tan-nies. L-edukazzjoni mhux biss għal dawk li għadhom tal-età tal-iskola iżda it-taħriġ għal dawk li diġa’ qegħdin fid-dinja tax-xogħol. Dan it-taħriġ huwa essenzjali f’dinja li t-tip ta’ ħiliet li huma meħtieġa qed jinbidlu radikalment u b’ħeffa kbira.
Pajjiżna irid jinvesti aktar, mhux biss f’sens ta’ flus, f’għażliet li huma aktar sani favur l-ambjent. Filwaqt li l-poplu qed jirrikonoxxi li pajjiżna għamel qabżiet kbar fl-iżvillupp ekonomiku tiegħu, in-nies qed tistenna aktar inżijattivi li jħarsu l-wellbeing tagħhom. Id-direzzjoni li jeħtieġ il-pajjiż trid tkun imnebbħa minn dak li huwa meħtieġa biex naslu għal dan il-għan.
Fiduċja
Il-poplu meta jara min għandu viżjoni u direzzjoni ċara għal pajjiżna jagħti l-fiduċja tiegħu. Meta jifhem min verament iwettaq dak li jwiegħed, jagħti l-fiduċja tiegħu. Pajjiżna jeħtieġ li jibqa’ jkollu tmexxija li għandha l-prijoritajiet it-tajba għall poplu Malti u Għawdxi. Fuq kollox il-poplu Malti u Għawdxi dejjem jagħti l-fiduċja tat-tmexxija tal-pajjiż lil min jaf fejn qiegħed miegħu. Ir-riżultati u l-kisbiet ta’ pajjiżna fl-aħħar snin ifissru dan kollu.



