L-isem Harry smajnih mhux ħażin fl-aħħar jiem. Il-maltempata li laqtet lil Malta u lil Sqallija l-ġimgħa li għaddiet tgħammdet bl-isem Harry u għalhekk Storm Harry kienet it-tema ewlenija fl-aħħar jiem. Imma din li l-maltempati jingħataw isem x’inhi?
Din hija prassi li ilha tintuża mhux ħażin. L-uffiċċji meteoroloġiċi meta jaraw li ġejja maltempata ta’ ċertu ġravità, skont sistema stabbilita jagħtu isem lil dik il-maltempata li tkun mistennija. Dan mhux qed ngħidu għal kull maltempata iżda l-isem jingħata lil xi maltempata ta’ ċertu gravità.
L-idea li jingħata l-isem ġejja mill-fatt li maltempati bħal dawn ikun hemm bżonn li jiġu identifikati minn oħrajn għal bosta raġunijiet. Raġuni oħra għaliex jintuża isem huwa biex jindika li dik l-maltempata tkun ta’ gravità li jkun meħtieġa prevenzjoni u n-nies tal-post fejn tkun se tolqot il-maltempata jgħarrfu li hemm bżonn attenzjoni u azzjoni minn qabel. Jidher li l-isem Harry ingħata mill-Ispanjoli.
Preparati
Hemm qbil li pajjiżna kellu preparazzjoni kbira għal din il-maltempata. Il-mod kif ħadmu l-awtoritajiet konċernati minn qabel din il-maltempata jixraqlu kull ħajr u tifħir. Id-direttivi li ngħataw kienu bilanċjati ferm u taw il-frott mixtieq. In-numru ta’ talbiet għall-għajnuna li kien hemm waqt il-maltempata u l-ħeffa li ngħatat l-għajnuna wrew biċ-ċar kemm pajjiżna kien ppreparat sewwa.
Dan il-livell ta’ preparazzjoni mhux frott ta’ ħidma li saret għax kien hemm indikazzjoni ta’ din il-maltempata imma frott ta’ ħidma ferm akbar. Fl-aħħar snin, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ra investiment b’saħħtu kemm fit-tagħmir u kemm fin-numru ta’ ħaddiema tiegħu. Dan kien investiment meħtieġ li meta ġie l-mument tal-bżonn deher biċ-ċar l-importanza tiegħu.
Ħidma Ko-ordinata
Il-maltempata kkawżat ħsarat kbar ħafna. Bosta postijiet fil-kosta ta’ Malta raw ħsarat estensivi kemm mal-kosta kif wkoll fi proprjetajiet viċin il-baħar. Il-gvern nieda proċess biex jevalwa il-ħsarat li ġġarrbu biex b’hekk ikun jista’ jitnieda pjan ta’ xogħlijiet biex il-ħsara tiġi rranġata.
Ta’ min jgħid li l-ħidma li saret s’issa hija waħda kbira ħafna. Numru kbir ta’ ħaddiema ta’ entitajiet tal-gvern kienu involuti biex jiżġuraw li toroq li ġew imblokkati u materjal ieħor jinġabar mill-aktar fis. Dan fih innifsu ma kienx xogħol ħafif meta tara l-livell ta’ ħsara li ġiet kawżata.
L-interventi li hemm bżonn isiru b’mod partikolari fil-postijiet kostali huma xogħlijiet li jeħtieġu ħsieb u ppjanar tajjeb, u huma xogħlijiet li jeħtieġu ħiliet partikolari. Ta’ min isemmi li hemm xogħlijiet li jridu jsiru b’attenzjoni minħabba l-impatt ambjentali kemm waqt li jsir ix-xogħol u anke fir-rigward tal-proġett fih innifsu.
Il-kordinazzjoni bejn l-entitajiet kollha hija meħtieġa ferm u żġur li mhux lok ta’ tellieqa bejn entitajiet differenti dwar min se jibda’ l-ewwel jew ilesti l-ewwel. Pjan bħal dan iservi mhux biss biex jiġu indirizzati l-ħsarat li kkawżat il-maltempata Harry, imma aktar minn hekk biex ikompli jitjieb il-livell tax-xogħol li jsir f’pajjiżna.
Il-futur
Il-proġetti li jridu jsiru biex tissewwa l-ħsara huma importanti ferm iżda hemm mistqosijiet li jridu jiġu mwieġba b’ħeffa akbar minn qabel. Mhux l-ewwel darba li pajjiżna ra maltempati kbar fl-istorja tiegħu iżda hemm il-fenomenu tal-bidla fil-klima li qed iwassal għal impatti li jeħtieġu attenzjoni speċjalment fejn tidħol il-kosta tagħna.
L-ewwel kwistjoni li hemm bżonn tiġi indirizzata hija l-kwistjoni tal-livell tal-baħar. Il-bidla fil-klima qed iġġib magħha żieda fil-livell tal-baħar. Il-postijiet f’pajjiżna li jinsabu qrib ħafna l-livell tal-baħar se jiġu impattati jekk dan il-fenomenu jibqa’ jseħħ. Dan iwassal għal impatt fuq il-infrastruttura u n-nies ta’ dawk il-posijiet.
It-tieni, l-infrastruttura ta’ pajjiżna teħtieġ li ċertu postijiet ikollhom ilqugħ aħjar mill-qilla tal-baħar. L-Ingliżi aktar minn mitt sena ilu kienu għarrfu li l-Port il-Kbir biex ikun aktar effettiv kien jeħtieġ ilqugħ permezz ta’ breakwater. Dan huwa wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali li qatt saru f’pajjiżna sal-lum u għadu jservi b’mod mill-aqwa.
Hemm numru ta’ postijiet li ilu jssemma li hemm bżonn ta’ breakwater. Ideat u pjani ssemmew bosta drabi iżda l-proġetti qatt ma saru. L-akbar raġuni għaliex dawn il-proġetti qatt ma saru, apparti argurmenti ambjentali, hija l-kwistjoni ta’ l-ispiża kbira li hemm bżonn biex isiru dawn il-proġetti.
Iż-żminijiet qed juru li hemm bżonn li wieħed jipproritizza ċerta’ proġetti ta’ importanza nazzjonali.

