Wednesday, February 4, 2026

Ngħiduha kif inhi 

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

Pajjiżna lura fis-snin 2015 u 2018 għamel bidliet importanti dwar l-età li persuna jrid ikollha biex tivvota. Bidla li bdiet billi żgħażagħ ta’ sittax-il sena jkollhom id-dritt li jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u fl-2018 iddaħħlet il-bidla biex żgħażagħ ta’ sittax-il sena jkollhom id-dritt tal-vot f’kull elezzjoni u referendum.

Dawn huma bidliet importanti għaliex wessgħu id-dritt tal-vot għal aktar żgħażagħ li kisbu dan id-dritt minn età iżgħar minn qabel. Id-dritt tal-vot għall-persuni kollha ta’ 18-il sena iddaħhal fis-snin sebgħin. Kien Gvern Laburista li niżżel l-età minn 21 sena għal 18-il sena u b’hekk min kien jitqies bħala adult żagħżugħ kellu d-dritt li jeżerċita l-vot wkoll.

X’fissret din il-bidla

Id-diskussjoni wara li seħħet il-bidla għandha tistaqsi aktar kemm saħħet il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika u kemm huma disposti li jesprimu l-vot tagħhom fl-elezzjonijiet. Aktar minn hekk, tajjeb li nistaqsu x’edukazzjoni politika qed jinagħtaw iż-żgħażagħ li prattikament meta jkunu għandhom l-iskola jew għadhom kif temmew l-iskola sekondarja se jkollhom id-dritt tal-vot.

Hija bidla kbira li żgħażagħ minn età relattivament żagħżugħa jingħataw dan id-dritt. Iżda lil hinn mid-diskors tal-bidla u kemm hija xi ħaġa sabiħa, hemm bżonn li wieħed jara f’aktar dettall kif żgħażagħ ta’ dik l-età qed jaraw il-kisba ta’ dan id-dritt xi tfisser għalihom.

Tagħlim dwar il-politika

L-introduzzjoni tad-dritt tal-vot sittax jeħtieġ li tkun sostnuta b’edukazzjoni politika. Hemm bżonn ta’ aktar diskussjoni u tagħlim fl-iskejjel u b’mod strutturat biex l-adoloxxenti, qabel ma jiksbu l-vot ta’ 16-il sena jkollhom għarfien dwar l-importanza li persuna tivvota, ir-raġunijiet għaliex persuna tivvota, min se jkun elett bil-vot tagħhom xi rwol se jkollu, u aktar għarfien dwar il-ħajja politika demokratika ta’ pajjiż.

Qed jiġri li t-tagħlim politiku li qed jirċievu ż-żgħażagħ ġej mill-mezzi soċjali li jidher li qed jimlew vojt li qed tħalli s-sistema edukattiva. Il-mezzi soċjali huma għodda tajba biex jippreżentaw id-diversi argumenti li jkun hemm marbuta mad-dibattitu politiku iżda min se jiżen u jasal biex jivvota għandu jingħata aktar minn hekk.

Dan in-nuqqas jeħtieġ li jiġi indirizzat. Hemm bżonn li aktar żgħażagħ jifhmu kemm hija importanti l-kisba li saret li tal-età ta’ 16-il sena, għandhom id-dritt li jivvutaw biex jeleġġu min se jirrapreżentahom fil-Parlament u min għandu jkollu l-mandat biex imexxi l-pajjiż.

Indifferenza

Hemm bżonn ta’ aktar mistoqsijiet dwar dak li ż-żgħażagħ qed jistennew mill-politika. Id-diskussjonijiet li qed isiru mill-Gvern fil-Youtħ Advisory Forum huma essenzjali fit-tfassil tat-triq ‘l quddiem għall-pajjiż iżda dawk li huma parti minn dan il-forum huma biss ftit żgħażagħ li evidentement qed jieħdu interess.  Hemm bżonn harsa lejn l-istampa aktar wiesgħa dwar dak li qed jaħsbu u kif iż-żgħażagħ ta’ età żgħira qed iħarsu lejn id-dritt tal-vot tagħhom.

Demokrażija b’saħħitha tiddependi minn kemm tkun b’saħħitha il-parteċipazzjoni fil-proċessi demokratiċi. Tkun hasra jekk pajjiżna għamel bidla bħal din imbagħad ikun hemm indifferenza jekk dan id-dritt tal-vot jintużax jew le. Iż-żgħażagħ kienu dejjem meqjusa bħala forza ta’ bidla fil-pajjiż. Qabel iż-żgħażagħ kienu jwasslu l-vuċi tagħhom pubblika dwar pożizzjonijiet li dwarhom kien hemm bżonn bidla. Issa bil-vot ta’ 16 il-sena jistgħu ikunu parti mill-għażliet. Imma fost iż-żgħażagħ dan huwa s-sentiment illum?

Sens ta’ storja

Iż-żogħżija tfisser l-enerġija tal-lum u l-ġejjieni, minkejja dan is-soċjetà importanti li żżomm ħaj is-sens ta’ storja. Dan mhux biex wieħed jintilef fil-passat u jħares lura bħal donnu lbieraħ kien isbaħ jew xi ħaġa aħjar. Is-sens ta’ storja huwa importanti biex wieħed jifhem minn fejn ġej, x’inhuma l-għeruq tiegħu u fuq x’hiex se jibni l-ġejjieni tiegħu u tal-pajjiż. In-nuqqas ta’ għarfien tal-istorja jwassal biex min qed jgħix illum ma jagħrafx l-importanza ta’ dak li sar qabel u bħal donnu jara li dak li hawn illum qisu minn dejjem kien hekk.

Kull bidla li seħħet il-bieraħ wasslet biex pajjiżna ikun dak li hu illum. L-għarfien tal-istorja jagħtina aktar ħila li nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet biex nagħrblu dak li huwa meħtieġ li jsir illum ħalli jiġi mfassal għada.

Il-ħtieġa li nagħtu valur lill-kisbiet huwa importanti biex ngħozzu dak li nkiseb illum u anke dak li nkiseb ilbieraħ. Issa li fl-aħhar snin ingħata dan id-dritt li żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw, importanti li naraw li dik il-kisba ma tintesiex u d-dritt miksub ikun imfisser u mħares.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport