Wednesday, February 11, 2026

Ngħiduha kif inhi 

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

L-andament ta’ pajjiż huwa suġġett għal skrutinju ta’ bosta entitajiet internazzjonali. Kull entità li tagħrbel il-qagħda ta’ pajjiż, minn żmien għal żmien, toħroġ rapport biex tagħti l-konklużjonijiet fuq l-andament ta’ dak il-pajjiż. 

Fl-aħħar snin, pajjiżna kellu diversi rapport pożittivi dwar l-andament ekonomiku tiegħu. Rapporti li jikkonfermaw il-qagħda pożittiva tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Dawn ir-rapporti għalkemm jagħtu overview pożittiva, ma jgħidux li pajjiżna għandu kollox perfett imma l-konklużjonijiet ġenerali qed ikunu pożittivi rapport wara ieħor. 

Għalfejn importanti dawn ir-rapporti

Ikun hemm min jistaqsi, dawn ir-rapporti x’rilevanza għandhom? L-ewwel nett, dawn ir-rapporti jagħtu stampa dwar il-qagħda ekonomika tal-pajjiż. Jagħtu analiżi oġġettiva tal-qagħda tal-pajjiż u indikaturi dwar dak li sejjer tajjeb u indikaturi ta’ dak li hemm bżonn li jiġi indirizzat. 

It-tieni, il-konklużjonijiet pożittivi ta’ dawn ir-rapporti jagħtu serħan il-moħħ lil min jinvesti f’pajjiżna. Pajjiż li ma jkollux reviews ekonomiċi tajbin ma jattirax investiment. Din qisu xi ħadd li se jmur jiddepożita flus f’bank jew se jagħmel investiment u l-ewwel jagħrbel xi jsarraf dak il-bank jew l-investiment li jkun qed jikkunsidra. Pajjiż li jixxotta mill-investiment jixxotta mix-xogħol. 

It-tielet, rapporti bħal dawn jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar dak li jkun jeħtieġ li jiġi indirizzat. Kull rapport, anke jekk ikollu konklużjonijiet pożittivi, dejjem ikun hemm aspetti li jindikaw fejn hemm bżonn li jiġu indirizzati. 

Dar-rapporti ma jogħġbux lill-PN

Tal-PN ma jinżlulhomx tajjeb dawn ir-rapporti. Dejjem jaraw kif jinterpretawhom li qed jagħtu xi stampa ħażina dwar l-andament ta’ pajjiżna meta evidentement, il-konklużjoni ġenerali ta’ dawn ir-rapporti hija waħda pożittiva. Ir-riżultati li qed jikseb pajjiżna huma ferm aħjar u differenti minn dawk li konna niksbu fi żmien gvern tal-PN. Illum għandna riżultati li jagħtu fiduċja mhux rapport ta’ stampa ta’ ekonomija li qed tistagħġna kif kien ikollna qabel ma pajjiżna bidel id-direzzjoni. 

Diska oħra li jdoqq il-PN kull meta jasslu dawn ir-rapporti hija li hemm bżonn bidla fil-mudell ekonomiku. Din id-diska twassal għal żewġ domandi importanti. Jekk il-mudell ekonomiku huwa ħażin, kif pajjiżna qed jagħmel suċċess ekonomiku sena wara oħra? Jekk il-PN irid jibdel il-mudell ekonomiku jista’ xi darba jgħidilna b’mod konkret x’mudell qed jipproponi?

Kull darba jaqa’ l-ass

Il-PN, b’ton populist, għandu ħabta jirrepeti l-messaġġ li l-problemi kollha li għandu pajjiżna huma marbuta maż-żieda fil-popolazzjoni. Huwa fatt li fl-aħħar snin pajjiżna attira diversi ħaddiema minn pajjiżi oħra biex jiġu jaħdmu f’Malta. Attira dawn il-ħaddiema għaliex kien hemm il-ħtieġa tagħhom. Il-ħaddiema barranin ġew Malta għaliex f’Malta żdied ix-xogħol u ma’ din il-ħtieġa min iħaddem kellu jitlob biex iġib aktar ħaddiema. 

Ma nistgħu ninsew qatt li l-ekononija ta’ pajjiżna bejn dik li kienet fl-2013 u dik hija llum hija aktar mid-doppju fid-daqs tagħħa. Ekonomija akbar teħtieġ aktar ħaddiema. Ċertifikat ta’ dan jagħtuħ l-employers Maltin li fil-kummenti tagħhom dejjem jibqgħu jgħidu li ma jsibux biżżejjed ħaddiema għall-ħtiġijiet tagħhom. 

Dan ma jfissirx li f’pajjiżna ma nistgħux nattiraw setturi li huma inqas labour intensive, ħaġa li qed issir speċjalment b’investiment fil-qasam ta’ Medtech u tal-AI. Fl-istess waqt, ma nistgħu ninsew qatt li pajjiżna qed jattira numru kbir ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani. F’pajjiż fejn in-numru ta’ persuni anzjani dejjem qed jiżdied, il-ħtieġa ta’ aktar persuni f’dan il-qasam se jkompli jiżdied u s’issa ebda AI mhu se jagħmel ix-xogħol f’dan il-qasam. 

Dan kollu jwassal għall-mistoqsija: la tal-PN għandhom din il-pożizzjoni dwar l-għadd ta’ ħaddiema barranin, jista’ xi ħadd minnhom jispjega liema ħaddiema barranin se jnaqqsu? Ir-rapporti bħal tal-Fond Monetarju Internazzjonali jitkellmu b’mod ċar dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna. Mill-banda l-oħra, il-PN qed jgħid ħafna u fl-istess ħin mhu qed jgħid xejn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport