Wednesday, February 18, 2026

Ngħiduha kif inhi

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

Qatt ma kien ħawn żmien f’pajjiżna li s-settur pubbliku b’mod inġenerali ikollu żiediet sostanzjali fil-pagi tiegħu u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan il-fatt ma jista jmerih ħadd anke jekk ħawn min qed jipprova. 

Tajjeb li wieħed jispjeġa li meta ngħidu s-settur pubbliku, qed nitkellmu dwar il-ħaddiema taċ-ċivil u dawk il-ħaddiema li huma impjegati mal-entitajiet pubbliċi bħal aġenżji u awtoritajiet. Il-ħaddiema taċ-ċivil, dawk li qabel kienu magħrufa bħala l-ħaddiema tal-gvern, il-kundizzjonijiet tagħhom huma regolati minn ftehim kollettiv li jiġi neġożjat min-numru ta’ unjins flimkien. Apparti dak il-ftehim kollettiv popolarment magħruf bħala l-ftehim il-kbir, hemm wkoll numru ta’ fteħimiet kollettivi settorjali li jkopru ħaddiema partikolari ta’ ċertu speċjaliżazzjoni. 

Il-bqija tal-ħaddiema fis-settur pubbliku, jiġifieri dawk li jaħdmu fl-entitajiet bħal awtoritajiet u aġenżjiji, il-kundizzjonijiet tagħhom huma regolati minn fteħim kollettivi separati minn dak taċ-ċivil u kollha għandhom kundizzjonijiet li jvarjaw skond ma jkun maqbul bejn it-tmexxija tal-entità u l-unjin li tirrapreżenta lil ħaddiema. 

Hemm ħaġa komuni f’dan kollu. Il-kundizzjonijet tal-ħaddiema li tjiebu b’mod tajjeb ferm fl-aħħar snin, huma riżultat ta’ neġozjati bejn il-ġvern jew it-tmexxija tal-entità flimkien mal-unjins rispettivi. Kundizzjonijiet li jirriżultaw minn parteċipazzjoni tar-rapreżentanti tal-ħaddiema. 

Il-PN ma ħadimx hekk

Illum il-ħaddiema kollha huma rappreżentati minn unjin, anke il-ħaddiema fil-forżi dixxiplinati. Dan il-gvern introduċa dritt ta’ rappreżentanża li qabel ma kienx jeżisti. Il-kundizzjonijiet tal-pulizija, armata, dipartiment tal-protezzjoni ċivili, gwardjani tal-ħabs u entijieta marbuta mal-immigrazzjoni, kollha għandhom kundizzjonijiet tajba ferm b’riżultat tar-rieda tal-gvern li jinvesti f’dawn l-oqsma u r-rappreżentanza tal-ħaddiema permezz tal-unjins. 

Il-PN fil-gvern ma ħadimx hekk. Tajjeb li nfakkru li l-PN kien komdu, per eżempju, li lill-pulizija jġegħlhom jagħmlu l-overtime u ma jħallashomx. Ma kienx jinteressah li pulizija jkollu ħlas ġust għas-sigħat tax-xogħol Ii jwettaq. Il-PN kien ħalla lid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili mingħajr riżorsi, kemm b’nuqqas ta’ nies u anke fejn jidħol apparat anke jekk dan seta’ jipperikola lill-ħaddiema tad-dipartiment. L-istess wieħed jista’ jgħid fir-riġward tal-gwardjani tal-ħabs. 

Dawn qed jissemmew bħala eżempji biex wieħed ifakkar li t-track record tal-PN fis-settur pubbliku b’mod partikolari fil-korpi dixxiplinati ma tantx huwa xi wieħed feliċi. 

Jippruvaw iħawwdu d-diskors 

Kif kont qed infisser, kull entità għandħa ftehim kollettiv separat minn dak taċ-ċivil. Għalhekk ħaddiem f’entità skont il-ftehim kollettiv jista’ jkollu benefiċċji jew drittijiet li m’għandux ħaddiem taċ-ċivil u ħaddiem taċ-ċivil jista għandu benefiċċji jew drittijiet li ħaddiem f’entità m’għandux. Wieħed dejjem irid ifakkar li dawn il-ftehim ma ġew imposti minn ħadd u dejjem saru bi qbil mal-unjins. 

IL-PN ipprova joħloq kwistjoni  li meta tara dak kollu li għidna hawn fuq tirrealizza kemm ħija kwistjoni finta u kemm il-PN qed jipprova joħloq dubji fejn m’hemmx. Riċentament issemma’ bonus li daħal fis-seħħ bis-saħħa tal-fteħim kollettiv tal-ħaddiema taċ-ċivil. Il-ħaddiema taċ-ċivil ħadu dak li hu tagħhom bi dritt u bis-saħħa tal-ftehim. Il-PN ipprova jgħid li hemm xi diskriminazzjoni bejn ħaddiema tal-gvern meta dan m’huwiex il-każ. 

Hija ħassra li l-PN qed jipprova jagħmel argumenti ibbażati fuq invenzjonijiet u meta jaf li l-affarijiet huma mod ieħor. Il-ħaddiema tas-Settur Pubbliku b’mod inġenerali jafu li l-PN ma tantx ħuwa garanzija ta’ kundizzjonijiet aħjar għaliex qatt ma kien hemm kundizzjonijiet tajba fis-settur pubbliku daqs kemm hemm illum. 

Inkomplu ninvestu fis-settur pubbliku 

Pajjiż li għandu ekonomija li qed tkompli tikber jeħtieġ servizzi pubbliku aktar organizzat, effiċjenti u li jkollu l-persuni bil-ħilijiet meħtieġa. L-investiment fit-taħriġ jibqa’ importanti ferm speċjalment bl-avvanzi li qed isiru fit-tekonloġija u dak kollu li għaddej madwarna. L-effiċjenza fis-settur pubbliku tibqa’ kwistjoni importanti ferm flimkien ma’ ppjanar fit-tul għall-ħtiġijiet li se jkollu l-pajjiż fiż-żmien li ġej biex jiġi żġurat li hemm amministrazzjoni pubblika li tista’ taqdi d-doveri tagħħa bl-aħjar mod possibbli. 

L-investiment li sar fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jattiraw ħaddiema tajbin la darba llum hemm kompetizzjoni qalila biex min iħaddem jattira l-aħjar nies fl-impjieg. Il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma parti minn dak meħtieġ. L-investiment f’settur pubbliku tajjeb irid ikun kontinwu biex l-oġġettivi tiegħu fit-tmexxija tal-pajjiż jintlaħqu bl-aħjar mod possibbli. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport