Il-Malti jgħid, ix-xemx minn filgħodu turik. Qawl li japplika tajjeb ħafna għas-sena 2026. Bilkemm kienu għadhom intrefgħu t-tazzi tax-xampanja li ċċekċku fl-ewwel tas-sena li ma rajniex lill-forzi militari Amerikani jagħmlu azzjoni militari biex il-President Maduro jinqabad u jittieħed biex iwieġeb għal akkużi serji fil-Qrati Amerikani.
Dan l-intervent militari qanqal diskussjoni kbira b’pożizzjonijiet varji. Min jitkellem dwar it-tneħħija ta’ president awtoritarju u għalhekk azzjoni favur il-poplu Veneżwelan u min tkellem dwar il-ħtieġa li jiġu rispettati l-liġijiet internazzjonali. Min tkellem dwar azzjoni favur id-demokrazija u min tkellem li l-iskop ewlieni tal-intervent militari huwa l-ammonti kbar taż-żejt li għandha l-Venezuela.
Ilu jberraq
Kien ilu jberraq dwar l-Iran. Id-dinja kienet qed tara sitwazzjoni fejn ir-reġim Iranjan kien qed jiffaċċja protesti kbar u l-forzi Iranjani wasslu biex qatlu għadd kbir ta’ nies. Saru bosta kundanni dwar dan l-aġir. Ta’ min wieħed ifakkar li l-Israel, xi xhur ilu kienu għamlu azzjoni bi preċiżjoni ta’ liema bħala li biha kienu qatlu bosta uffiċjali għolja Iranjani. Dan kien segwit minn numru ta’ attakki mill-Iran lill-Israel.
Fl-aħħar ġimgħat kienu ilu jingħad li l-attività ta’ titjiriet f’dik iż-żona qed tiġi imnaqqsa u beda jsir diskors dwar attakk imminenti fuq l-Iran. Fl-aħħar tmiem il-ġimgħa, attakk bi preċiżjoni u b’qilla seħħ mill-Istati Uniti u Iżrael. L-Iran ma qagħdx lura minkejja dan l-attakk u beda seniela ta’ attakki fuq diversi bażijiet militari f’pajjiżi qrib tal-Iran inkluż attakk fuq Dubai.
Instabilità b’impatt negattiv
Dan kollu wassal għal instabilita’ kbira li bdiet tħalli impatt fuq il-livell internazzjonali. Fl-aħħar siegħat wara dawn l-azzjonijiet militari, l-ewwel effetti bdew jinħassu fuq il-prezz taż-żejt u tal-gass naturali. L-Iran mħux biss huwa sors kbir taż-żejt imma viċin tiegħu hemm żona b’attività marittima kbira marbuta mal-ġarr taż-żejt u ta’ gass.
L-attakki li saru mill-Iran, anke fuq vapur li qed iġorr żejt Iranjan wassal għal kriżi li għadna qed naraw biss il-bidu tagħħa. Il-kumpaniji tal-assikurazzjoni tal-vapuri mill-ewwel bagħtu messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-kuntratti ta’ assikurazzjoni fid-dawl ta’ dawn l-attakki. Il-kumpaniji tal-vapuri bdew jieħdu deċiżjonijiet dwar kif għadhom jgħaddu biex iġorru ż-żejt li qed iwassal għal ostakli kbar fil-mod kif issir il-ġarr taż-żejt.
L-impatt tal-prezz tal-enerġija
Erba’ snin ilu meta bdiet il-ġwerra fl-Ukrajna, id-dinja li kienet għadħa qed toħroġ mill-impatti tal-pandemija spiċċat f’sitwazzjoni ta’ kriżi oħra. L-inflazzjoni għolliet rasha partikolarment għaliex kien hemm nuqqasijiet fil-provvista ta’ bosta affarijiet u kif dejjem jiġri, meta s-swieq jindunaw li se jkun hemm xi ħaġa li tiskarsa, ir-reazzjoni tas-swieq tkun li jogħla l-prezz.
Għaliex tajjeb li nifhmu, li dak kollu li jiġri f’pajjiż illum speċjalment meta wieħed ikun qed jitkellem dwar enerġija, materja prima u provvista tal-ikel, dan għandu impatt fuq diversi pajjiżi oħra jekk mhux fuq il-bqija tad-dinja. Ma nistgħux inħarsu lejn l-affarijiet b’mod iżolat. Il-kummerċ internazzjonali jirreaġixxi għal diversi fatturi u s-sitwazzjoni preżenti mhux se tgħin fiż-żmien li ġej.
Il-ħtieġa ta’ attenzjoni akbar
Sitwazzjonijiet bħal dawn iwasslu għal ħtieġa ta’ attenzjoni ħafna akbar mis-soltu. Kull ġurnata jekk mhux kull siegħa, l-affarijiet jistgħu jinbidlu. Fi ftit sigħat il-prezz taż-żejt żdied bi 13% u madwar l-Ewropa diġa hemm kumpaniji li qed jagħtu sinjali ta’ żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn huma kollha sinjali ta’ diffikultajiet fil-qagħda internazzjonali fiż-żmien li ġej.
Pajjiżna fl-aħħar snin, grazzi għad-deċiżjoni tal-gvern li jkun fuq in-naħa tal-familji u jilqa’ għad-daqqa li kienet ġejja mill-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, il-familji gawdew minn stabiltà fil-prezz tal-elettriku u fjuwils oħra. Deċiżjoni li ebda gvern ieħor ma ħa fl-Ewropa. Deċiżjoni teħtieġ finanzi sostanżjali biex tinżamm, iżda hija deċiżjoni li għamlet differenza kbira lill-familji kollħa u li rażnet bil-kbir l-għoli tal-ħajja.
L-impatt tal-prezzijiet ogħla f’pajjiżi oħrajn għandhom impatt wkoll fuq pajjiżna għaliex prodotti li jiġu importati minn dawn il-pajjiżi se jkollhom effett żġur. Wieħed irid isemmi li persuni li jiġu bħala turisti f’pajjiżna, jekk se jkollhom inqas spending power f’pajjiżhom jista’ jkun li jħalli impatt fuq din l-industrija wkoll.
Għalhekk, fiż-żmien li ġej, irid ikun hemm attenzjoni fid-deċiżjonijiet li jittieħdu u r-rwol tal-gvern f’pajjiżna irid jibqa’ li jassigura li jkollna ekonomija li toħloq il-ġid biex nassiguraw li jkollna r-riżorsi meħtieġa biex nilqgħu għall-impatti li dan kollu jista’ jġib.
Waqt li għaddej dan kollu
Filwaqt li d-dinja qed issegwi dan kollu fuq il-mezzi tax-xandir, il-poplu Palestinjan għadu qed isofri minn azzjonijiet li qed iċaħduh milli jgħix b’dinjità. Qed isofri minn azzjonijiet ta’ Gvern Iżraeljan li kull ma jrid huwa li jċaħħad lill-Palestinjani mill-art li tixirqilhom u l-ħajja li għandhom dritt għaliħa.
Id-dinja qisha nsiet lill-poplu Palestinjan u l-media internazzjonali mhux qed tiffoka l-cameras fuq hemm imma dejjem banda oħra.



