Iż-żmien itir u vera każ għax tlettax-il sena ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qed jifforma l-ewwel kabinett tal-gvern immexxi minnu. Il-Partit Laburista kien għadu kif kiseb appoġġ b’marġini ta’ madwar 36,000 vot wara kampanja li ppreżentat proġett politiku ġdid għal pajjiżna.
Kien il-bidu ta’ ħidma ta’ gvern li f’pajjiżna wettaq bidliet kbar u li ta direzzjoni politika u ekonomika li wasslet għal riżultati ta’ tkabbir mingħajr preċedent. Fi ftit tal-jiem oħra, il-gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela jimmarka 4 snin minn meta nkiseb l-akbar distakk elettorali li kiseb il-Partit Laburista.
Il-proġett politiku
Il-Partit Laburista kellu proġett politiku ċar. Proġett li jagħti ħajja ġdida lill-ekonomija ta’ pajjiżna, li joħloq ix-xogħol, li jwassal għal ħolqien tal-ġid b’rata mingħajr ebda preċedent u fuq kollox li jara li ġid li jitkattar jasal għand kulħadd. Proġett politiku li kiseb l-appoġġ mhux biss ta’ min tradizzjonalment dejjem ta l-appoġġ lill-Partit Laburista, iżda kiseb l-appoġġ saħanistra ta’ parti mill-elettorat li tradizzjonalment ma jappoġġjax lill-Partit Laburista.
L-għajta ta’ moviment li bdiet mill-bidu tat-tmexxija ta’ Joseph Muscat ħolqot diskussjoni politika li wasslet biex il-Partit Laburista jfassal pjan għal pajjiżna li jindirizza l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Ħidma li bdiet mill-ewwel
It-twettiq tal-proġett politiku beda mill-ewwel. Ittieħdu bosta deċiżjonijiet li minnhom gawda kullħadd. Wieħed irid isemmi l-qasam tal-enerġija fejn il-pjan li kien tfassal kien ta r-riżultati mwiegħda u l-poplu Malti u Għawdxi beda jgawdi minn kontijiet orħos u beda jitwettaq pjan biex ma jibqax jintuża l-heavy fuel oil u nbeda l-użu tal-gass.
L-opportunitajiet tax-xogħol bdew jiżiedu. Ir-record tal-qagħad li kien ħalla l-gvern Nazzjonalista beda jiġi indirizzat u ttieħdu miżuri biex jinħolqu postijiet tax-xogħol u inizjattivi biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Is-servizz ta’ childcare b’xejn u t-tapering of benefits huma żewġ inizjattivi li għadhom fis-seħħ sal-lum u li taw għajnuna kbira biex aktar daħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-paga minima żdiedet għall-ewwel darba wara ħafna snin. Il-fteħim li sar mas-sħab soċjali li reġa’ ġġeded taħt it-tmexxija tal-Prim MInistru Robert Abela kien mezz biex ikompli jiżġura dħul aħjar b’mod partikolari għal min qiegħed fuq il-paġa minima. Bl-istess mod, il-pensjonanti bdew jaraw żidiet sostanzjali fil-pensjoni tagħhom liema żiediet li għadhom jingħataw sena wara sena, budget wara ieħor.
Malta bdiet tinbidel
Pajjiżna ra investimenti infrastrutturali kbar. Is-sistema tat-toroq ta’ pajjiżna rat investiment bla predeċent b’numru ta’ proġetti bħal Central Link, il-proġett tal-Marsa, il-junction ta’ ħdejn l-ajruport, bħalissa il-proġett tal-Imsida u bosta oħrajn. Fil-Port il-Kbir rajna investiment fitas-sistema ta’ elettriku shore-to-ship biex il-bastimenti ma jdaħħnux aktar fil-port, saru u qed isiru bosta investimenti fl-infrastruttura tal-elettriku, il-provvista tal-Ilma u anke s-sistema tad-drenaġġ bl-introduzzjoni ta’ new water għall-bdiewa.
L-investiment li ġie f’pajjiżna ġab attività ma taqta’ xejn u li llum kull reġjun f’Malta qed igawdi minnu. It-tisħiħ tas-settur finanzjarju, il-qasam tal-gaming u issa tal-Fintech qed joħloqu impjegi ġodda b’kundizzjonijiet mill-aqwa. Illum pajjiżna qed jinvesti miljuni kbar biex ikun imħejji u juża bl-aqwa mod l-Intelliġenża Artifiċjali.
It-turiżmu sar industrija b’attività b’saħħitħa is-sena kollha. In-numru ta’ turisiti baqa’ jiżdied u llum qajla tista titkellem dwar shoulder months jew żmien fejn dan is-settur huwa kajman. Filwaqt li Għawdex kien ibati biex ikollu attività ekonomika speċjalment fix-xitwa, illum tista’ tgħid li r-realtà t’Għawdex inbidlet kompletament.
Gvern ta’ Drittijiet Ċivili
F’dawn it-tlettax-il sena, pajjiżna ra it-tisħiħ tad-drittijiet ċivili. Illum kulħadd verament qed jitqies indaqs. Kull persuna, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tagħħa għandħa d-dritt li tesprimi imħabbitha lejn min tixtieq. Iż-żwieġ sar dritt għal kulħadd u s-soċjetà tagħna llum hija meqjusa fost l-aktar inklussivi fuq livell internazzjonali.
Pajjiżna ra bidliet kbar fejn jidħol l-IVF u l-proċessi li joffri l-gvern fis-servizz tas-saħħa li jingħata b’xejn. Mijiet ta’ persuni llum saru ġenituri bis-saħħa ta’ dan it-tibdil li sab oppożizzjoni kbira iżda li l-gvern wettaq il-mandat ċar li kellu għal dan il-qasam.
It-triq ’il quddiem
Fl-aħħar sitt snin ta’ tmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela, l-Gvern Laburista ffaċċja kriżijiet internazzjonali kbar fosthom il-pandemija, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u l-gwerra ta’ Iżrael f’Gaża. Bit-tmexxija soda tal-Gvern Laburista dawn il-kriżijiet ingħelbu u l-pajjiż kompla miexi ’l quddiem.
Minkejja dawn il-kriżijiet, Gvern Laburista għandu track record ċar li dak li jwiegħed iwettqu. Gvern Laburista għandu kredibiltà politika fit-twettiq tal-viżjoni politika li għandu għal pajjiżna. Pajjiżna wara 13-il sena huwa pajjiż li nbidel. Pajjiż li ġġedded u li għandu aspirazzjonijiet u ambizzjonijiet ġodda. Pajjiżna m’għadux il-pajjiż tal-ekonomija kajmana kif kien 13-il sena ilu, imma huwa l-pajjiż ta’ ekonomija li qed tikber b’rati ogħla minn pajjiżi oħra Ewropej. Dak li pajjiżna kien jeħtieġ 13-il sena ilu mhuwiex dak li għandu bżonn illum. Il-formola li tat is-suċċess trid tibqa’ tiġi aġġornata u li tirrifletti dak li huwa meħtieġ illum u fiż-żmien li ġej.
Bħalma fl-aħħar snin, il-Gvern Laburista fassal is-suċċess ta’ pajjiżna, issa jrid ikun il-Partit Laburista fil-Gvern li jibqa’ ffukat b’diskussjoni mill-aktar wiesgħa biex iwassal il-pajjiż għal aktar suċċessi fil-ġejjieni.

