Wednesday, March 25, 2026

Ngħiduha kif inhi 

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

L-għażliet li jagħmel mexxej politiku jirriflettu l-ħsieb politiku tiegħu. Alex Borg, il-Kap tal-Oppożizzjoni li qed jippreżenta ruħu bħala Prim MInistru alternattiv, kemm ilu li laħaq Kap għamel għażliet li tajjeb wieħed jiddiskutiħom.

Wara li laħaq Kap u ħalla żmien konsiderevoli jgħaddi, Alex Borg għażel is-shadow cabinet tiegħu. Fost l-għażliet li għamel, ħatar lill-kontestant li kellu u ex-kap tal-PN Adrian Delia bħala shadow minister tal-finanzi. Bosta ppruvaw jifhmu għalfejn saret din l-għażla u liema kwalitajiet ta’ Adrian Delia wasslu lil Alex Borg jagħżel lil Delia bħala kelliem fuq settur daqstant importanti.

Messaġġi li għadda

L-ewwel messaġġ li għadda Alex Borg b’din il-ħatra hija li l-unika kontestant li kellu ried jagħtih rwol importanti fix-shadow cabinet tiegħu. S’hawn kollox sew iżda ta’ min wieħed jgħid li ladaraba l-Kap tal-Oppożizzjoni għażel lil Adrian Delia bħala sħadow tal-finanzi, Borg qed jgħid li jekk ikun Prim Ministru, qed jippreżenta lil Adrian Delia bħala l-ministru tal-finanzi alternattiv.

Dan kollu ifisser li wieħed irid jifli sewwa dak li qed jgħid Delia biex jifħem aħjar il-kompetenza ta’ Delia f’dan il-qasam u aktar minn hekk, x’alternattivi joffri Adrian Delia jekk ikun Mnistru tal-Finanzi.

X’jaħseb Delia

Adrian Delia, skont stqarrijiet u kitbiet li għamel dwar il-finanzi tal-pajjiż ma jaqbilx li l-finanzi tal-pajjiż fis-sod għaliex skont hu, la darba l-pajjiż għandu d-dejn allura ma jistax jingħad li l-pajjiż għandu finanzi fis-sod. Din id-dikjarazzjoni biha, Adrian Delia qiegħed jgħid li l-Ministri tal-finanzi li kien hemm fi żmien il-PN kollha naqqsu fit-tmexxija tagħħom.

Ta’ min wieħed ifakkar li pajjiżna sas-sena 1987 kellu riżervi b’saħħitħom u kien wara l-tela’ l-PN fl-1987 li l-gvern Nazzjonalista nefaq dawk ir-riżervi kollha u beda jakkumula d-dejn sena wara oħra. Qatt ma nstema Adrian Delia jgħid kemm kienu ħżiena dawk il-ministri fi żmien il-PN li introduċew id-dejn nazzjonali li kiber b’rati kbar minn sena għal oħra wara li ntefqu r-riżervi kollħa.

Minkejja dan kollu li seħħ fl-istorja, Adrian Delia bħal donnu ma jifhimx ħaġa bażika fil-finanzi pubbliċi li wieħed ma jistax iħares lejn id-dejn bħala ċifra imma jrid jara d-dejn f’relazzjoni mad-daqs tal-attivita’ ekonomika tal-pajjiż. Dan qisek qed titkellem fuq xi ħadd li jaqla mitt elf ewro u għandu ħamsin elf ewro dejn u xi ħadd li jaqla ħamsin elf euro fis-sena u għandu ħamsin elf euro dejn. It-tnejn li huma għandhom ħamsin elf euro dejn imma l-fatt li għandhom dħul differenti, wieħed aktar mill-ieħor, il-ħamsin elf euro dejn ifissru differenti għat-tnejn li huma.

Bl-argument ta’ Adrian Delia, li l-finanzi mhumiex fis-sod għax għandna dejn nazzjonali, qed jgħid li l-Unjoni Ewropea qed titmexxa ħażin għaliex f’diversi istanzi qed tiddejjen biex tindirizza diversi sitwazzjoni importanti.

Liema nefqa se jwaqqaf

Adrian Delia f’kitbietu qed jgħid li ħemm bżonn li tiġi kontrollata n-nefqa tal-gvern u fl-istess ħin jgħid li hemm bżonn investiment akbar fis-servizzi pubbliċi. Is-servizzi pubbliċi u t-tkattir tagħhom ifisser nefqa akbar għall-gvern jew biex izzid is-servizzi mingħajr ma ż-żid in-nefqa trid tnaqqas in-nefqa minn ħaġa u tagħmel in-nefqa f’oħra. Issa jekk Delia qed jinkwieta li żdied id-dejn nazzjonali, irid aktar servizzi pubbliċi u fl-istess ħin ma jridx iżid in-nefqa jista’ jispjega aħjar kif se jagħmel kieku ministru tal-finanzi?

Sal-lum Adrian Delia, qal ħafna affarijiet imma ma tantx jidher li għandu spjega tajba kif se jkun qed jilħaq l-għanijiet li qed jgħid li għandu. Importanti li jagħti spjega dwar kif se jagħmel dak li qed jgħid li jista’ jagħmel jekk irid jitqies bħala kredibbli man-nies.

It-tnaqqis tan-nefqa ifisser piż fuq in-nies?

Ilkoll niftakru kif gvernijiet Nazzjonalisti kienu jippruvaw isaħħu l-finanzi tal-pajjiż. Kienu jwegħdu li se jnaqqsu l-piż tat-taxxa imbagħad wara l-elezzjoni jgħidu li ċ-ċirkostanżi ma jippermettux li din issir. Kienu jagħżlu li l-piż ta’ għoli tal-prezzijiet bħal fil-każ tal-enerġija jitfgħuh fuq in-nies u l-gvern ma kienx jgħin f’mumenti bħal m’għandna bħalissa. Minkejja dawn il-miżuri, il-piż tad-dejn fuq l-ekonomija fi żmien il-PN kompla jikber u la finanzi tal-gvern u lanqas tal-familji ma huma fis-sod.

Pajjiżna qed jirreġistra suċċess

Fl-aħħar snin, pajjiżna kellu formola ekonomika li tatna suċċess ekonomiku u finanzjarju wieħed wara l-ieħor. Id-daqs tal-ekonomija ta’ pajjiżna kiber mingħajr preċedent, ir-rata ta’ ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol hija waħda għolja ħafna tant li m’hawnx ħaddiema Maltin biżżejjed biex jimtlew l-postijiet tax-xogħol kollha li qed jinħolqu u l-finanzi tal-pajjiż la qed noħolqu ħafna aktar ġid huma verament fis-sod.

Meta tara dak li qed jikseb pajjiżna llum, taħseb li pajjiżna għandu alternattiva aħjar fit-tmexxija?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport