Kif jinbidel iż-żmien bħalma nbidel pajjiżna bil-kbir tul is-snin. Sebgħa u erbgħin sena ilu kienet l-ewwel ġurnata ta’ pajjiżna li ma kienx qed iservi bħala bażi għall-forzi militari tal-barrani. Kien bidu ta’ Malta ġdida li kellha tara kif toħloq ix-xogħol b’mod differenti milli tistenna li jkun hawn aktar attività militari biex il-Maltin isibu xogħol f’pajjiżna.
Ma kinetx triq faċli li mexa pajjiżna la biex jikseb il-ħelsien u lanqas il-bidu ta’ Malta li kienet għadha qed issib saqajha fir-realtà l-ġdida. Ir-rieda li tinbena attività ekonomika ġdida u titfassal triq sostenibbli għal pajjiżna u l-poplu Malti wasslet biex pajjiżna wasal fejn wasalna llum.
Vapuri ta’ lussu
Missirijietna kienu jħarsu lejn il-port u jaraw vapuri navali miltari deħlin u ħerġin. Il-port kien okkupat b’dawn il-bċejjeċ li llum saru parti mill-istorja. Minflok, il-Port il-Kbir, illum huwa mimli b’attività ta’ cruise liners u vapuri oħra li jwasslu u jieħdu minn pajjiżna merkanzija. Il-yachts ta’ lussu saru parti mix-xenarju tal-Port il-Kbir b’mod partikolari wara l-investiment li sar f’yacht marinas fin-naħa tal-Kottonera.
Fl-aħħar jiem, f’pajjiżna wasal yacht tal-Four Seasons. Din hija brand ta’ lussu kbir u wieħed jista jimmaġina min ikunu dawk li jivvjaġġaw magħha. Il-wasla ta yacht bħal dan mħux biss jagħmel isem tajjeb għal pajjiżna bħala destinazzjoni imma ġġib magħha l-ħtieġa ta’ servizzi ġodda ta’ livell għoli.
Ninvestu aktar fil-kwalità
Pajjiżna fl-aħħar snin ra tkabbir ekonomiku b’saħħtu ħafna u kontra kull kurrent. L-aħħar snin iffaċċja sfidi kbar fosthom pandemija, gwerra fl-Ukranja b’impatti fuq diversi setturi, il-gwerra ta’ Iżrael f’Gaża u issa gwerra oħra fil-Lvant Nofsani u l-Golf Għarbi. Minkejja dan, pajjiżna għandu ekonomija li kibret u li qed tikber, ekonomija li qed toħloq ix-xogħol b’rata għolja ħafna u qed jinħoloq aktar ġid. Dan qed narawh iseħħ kuljum iżda hemm bżonn li naslu f’livell aqwa.
Wasal iż-żmien, li dak li għamilna sal-lum intejbuh u nagħmluh aħjar. Irridu nħarsu lejn in-numri u nifhmu aħjar x’jista’ jagħtina kwalità għola u aqwa aktar minn kwantità akbar. Irridu infittxu l-opportunitajiet kif ikollna valued added aħjar f’dak kollu li nagħmlu f’pajjiżna mhux sempliċiment nagħmlu aktar u l-istess.
Il-formola ekonomika li tatna r-riżultati tal-lum ħadmet iżda ma nistgħux nibqgħu inserrħu rasna fuqha. Is-suċċess jiġi meta dak li għandek tajjeb tibqa’ taġġornah maż-żminijiet. Dak li pajjiżna kien jeħtieġ fl-2013 meta ġie elett il-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat mhuwiex l-istess bħal dak li għandu bżonn pajjiżna llum u għada. Ir-realtà ta’ pajiżna tjiebet, inbidlet u llum hemm bżonn iniżijattivi aħjar u differenti.
Dak li ksibna s’issa pedament għal ġejjieni
Illum nistgħu nagħmlu l-għażliet li qed nagħmlu għaliex ksibna s-suċċessi li kellna fl-aħħar snin. Kieku pajjiżna m’għandux ir-riżultati preżenti, kieku ninsabu f’realtà differenti. L-għażliet li qed nagħmlu biex lin-nies nagħtuhom aktar, ma jistgħux jittieħdu. Li kieku pajjiżna għandu ekonomija li qed togħtor, ma nistgħux inħarsu lill-familji mill-għoli tal-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija. Kieku l-ekonomija tagħna mhux qed tikber, mux se nkunu fil-qagħda li ninvestu fil-qasam soċjali bir-rata li qed ninvestu llum, mhux qed inwettqu programm b’saħħtu fil-qasam infrastrutturali u oqsma oħra.
Imma xorta jeħtieġ li pajjiżna jagħmel għażliet importanti biex naslu għal-livell li jmiss. L-ewwel nett, irridu nifhmu aħjar is-sinjali taż-żminijiet. Irridu nkunu imħejjia aħjar għaż-żmien li ġej billi nkunu aktar realistiċi fl-analiżi tagħna. Din mhux kwistjoni li naraw l-affarijiet b’mod neġattiv, anzi, irridu nkunu dejjem pożittivi fil-mod kif inwasslu t-triq ‘l quddiem iżda irridu niffaċċjaw b’aktar determinazzjoni.
Li nfasslu viżjoni mhix biżżejjed
Il-gvern għamel għażla importanti ħafna li titfassal u titħabbar il-Viżjoni 2050. Dokument li qed jagħti d-direzzjoni ċara fejn irridu nieħdu lil Malta fis-snin li ġejjin. Issa li d-destinazzjoni ġiet magħżula irid jibda l-vjaġġ. Il-vjaġġ jeħtieġ tħejjijiet kbar biex ikun wieħed ta’ suċċess. Hemm preparamenti u ħidma li trid issir.
Pajjiżna, bħal oħrajn, għandu ħabta li l-bidla jaf isibha proċess diffiċli. Il-bidla fil-mod kif nagħmlu l-affarijiet teħtieġ impenn qawwi minn min irid iwettaqha kif ukoll kommunikazzjoni ċara u kontinwa biex min huwa parti minn dik il-bidla jifhem aħjar kif se sseħħ u għalxiex hemm bżonn li sseħħ.
Għandna bosta affarijiet li tejjibna matul is-snin u ma nistgħu nieqfu milli nkomplu nagħmlu dan. Pajjiżna għandu potenzjal enormi. Fis-snin li għaddew irnexxielna noħorġu x’kapaċi nagħmlu u liema suċċess kapaċi nilħqu. Issa wasal iż-żmien li nerġgħu nagħmlu aktar u naraw li jkollna aktar impenn biex pajjiżna juri d-determinazzjoni li se jkomplu fit-triq ta’ destinazzjoni ta’ suċċess imma suċċess ta’ kwalità ogħla.

