Wednesday, April 8, 2026

Ngħiduha kif inhi

Aqra wkoll

Tim Marshall fil-ktieb tiegħu “The Power of Geography – Ten Maps that reveal the future of our world” jgħid hekk “The gas fields are mostly in tħe Elburz Mountains and the Persian Gulf. One of tħe main export routes is into the Gulf of Oman via tħe Strait of Hormuz.” Jitkellem wkoll dwar kemm dan l-istrett huwa relattivament dejjaq u jiddeskrivih bħala sikkina b’żewġt ixfar. Minn banda din ġeografija qatt ma ppermettiet li l-Iran ikun qawwa navali imma min-naħa l-oħra jgħid hekk “Teheran can threaten to close it to everyone else”.

Dak li kiteb dwaru Marshall qed iseħħ u l-impatt li dan l-egħluq qed ikollu fuq il-bqija tad-dinja huwa wieħed enormi. Filwaqt li l-Istati Uniti qed tippreżenta ruħha bhala l-forza militari li ma jista jwaqqafha ħadd, l-Iran uża l-ġeoġrafija tiegħu u tar-reġjun biex jagħmel kontra attakk mhux fuq livell militari imma fuq livell ekonomiku li qed jhedded bil-kbir diversi supply chains madwar id-dinja.

Instabbilità kbira

Id-dinja għaddejja minn żmien ta’ instabbiltà kbira u l-fatt li hemm is-sorsi tal-enerġija li huma mhedda serjament qed jibda jaffettwa bosta attivitajiet. Illum id-dinja saret post iċken mhux fid-daqs, imma saret iċken għaliex għandha konnettività akbar. Il-mezzi tat-trasport li għandna llum iwassluk f’kull rokna tad-dinja u issa Elon Musk irid jagħmel il-ġiti għall-pjaneti oħra.

Il-konnettività bħala kommunikazzjoni kibret ferm u l-mezzi li għandna llum jistgħu jqarrbu lin-nies mingħajr ma ħadd jiċċaqlaq minn postu. Qed ngħixu f’dinja li hija dipendenti fuq it-tekonoloġija u l-avvanzi tagħha u anke l-ikel li nieklu illum jivvjaġġa minn post għal ieħor biex kull pajjiż jilħaq id-domanda li jkollu.

Il-bażi ta’ dan kollu hija l-enerġija. Id-dinja biex taħdem għandha bżonn dejjem aktar enerġija u għalhekk, l-iskarsezza ta’ enerġija li tant niddependu fuqha toħloq diffikultajiet f’kull operat.

Theddida fuq it-trasport

L-aħbarijiet mill-Italja diġà qed jindikaw li hemm ajruporti li għandhom limitazzjoni fl-aviation fuel u qed jibdew jagħżlu lil min se jagħtu l-fuel. Dan ħuwa sinjal preokkupanti speċjalment meta tara li mezz tat-trasport tant importanti għal bosta attivitajiet qed jibda jiġi affettwat.

It-trasport ma jfissirx biss il-karozza privata jew it-trasport pubbliku li nużaw ta’ kuljum biex nivvjaġġaw minn post għall-ieħor f’pajjiżna. Ifisser ukoll it-trasport bil-baħar li jġib porzjon kbir minn dak li neħtieġu biex inkunu nistgħu inkomplu bil-ħajja ta’ kuljum. B’hekk wieħed jitħasseb sewwa meta jisma’ dawn l-aħbarijiet ġejjin minn pajjiżi ġirien tagħna dwar dak li se nkunu qed niffaċċjaw fiż-żmien li ġej jekk dan il-kunflitt ikompli.

Il-Gvern Malti

F’pajjiżna, il-gvern fl-aħhar snin ħa bost miżuri biex jara li l-impatt li jista’ jkun hemm fuq l-enerġija nilqgħu għaliħ. L-istabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija kien wieħed mill-mezzi li ta bażi aktar soda biex pajjiżna jkompli jikber ekonomikament. Ejja ma ninsewx li minkejja dak kollli għaddejna fl-aħhar 10 snin, il-prezz tal-enerġija baqa’ l-istess u ma ċċaqlaqx. Minkejja l-pressjoni internazzjonali minn żmien għal żmien, minkejja l-pandemija, minkejja l-kunflitt fl-Ukranja u issa dan il-kunflitt, pajjiżna żamm stabbilitàfil-prezzijiet.

L-impenn tal-ġvern favur in-nies evidentement mhuwiex biss bil-kliem imma bil-fatti. Settur daqstant importanti qed jingħata s-sostenn kollu meħtieġ u dan is-sostenn qed jasal kollu għand in-nies. F’pajjiżna, min qed imur fil-pompa tal-petrol għadu jħallas l-istess prezz u mhux iħallas il-prezzijiet eżorbitanti li qed naraw f’pajjiżi oħra. Il-kont tad-dawl u l-ilma għadu jiġi l-istess u mhux ogħla kif għolew ta’ pajjiżi oħra.

Dak li ħuwa fil-kontroll tal-gvern biex jgħin lill-familji qed isir u dan kollu huwa ċar. Li jeħtieġ li jkun hemm attenzjoni assoluta huwa li nassiguraw li l-fornitura tal-enerġija ma tonqosx jew tiġi affettwata.

B’kull mezz possibbli, irid iseħħ dak kollu li jista’ jsir biex is-saram li qed jidger f’pajjiżi oħrajn ma jolqotx lil pajjiżna. Iridu jittieħdu għażliet u fuq il-livell Ewropew u dak internazzjonali Malta trid tibqa’ l-vuċi tar-raġuni u l-vuċi favur il-ftehim u l-paċi biex dak li qed iseħħ fid-dinja ma jibqax għaddej.

Pajjiżna għandu missjoni importanti xi jwettaq. Il-messaġġ huwa wieħed ċar. L-iniżjattivi favur in-nies huma ta’ xempju għal pajjiżi oħra. Il-kelma tagħna jeħtieġ li tkompli titwassal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport