Il-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja f’intervista li deħret fil-ġurnal MaltaToday kien wieħed ċar – iva għall-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol, iva għall-ħolqien tal-ġid fil-pajjiż imma l-abbuż fuq il-ħaddiema għandu jiġi miġġieled bil-qawwa kollha.
Pajjiżna qatt ma ra rata ta’ ħolqien tax-xogħol b’saħħitha daqs kemm kienet b’saħħitha fl-aħħar għax snin. Minn ekonomija kajmana li kienet qed tbati biex jinħolqu postijiet tax-xogħol għal ekonomija li kibret b’mod qawwi tant li kien hemm bżonn li f’pajjiżna jinġiebu ħaddiema barranin biex il-work force Maltija tkompli tikber.
Bidla li qed iġġib sfidi ġodda
Din il-bidla ġabet tibdil fil-qasam tax-xogħol kemm bħala opportunitajiet iżda wkoll bħala sfidi ġodda. F’pajjiżna konvint li l-maġġoranża l-kbira tal-employers jirrispettaw lil ħaddiema tagħhom u li jimxu mar-regoli u l-kuntratti tax-xogħol fejn jidħol dak li jkun ħaqqu l-ħaddiem. Imma għandek min hu lest li jabbuża mill-ħaddiema speċjalment ħaddiema barranin. Għalhekk kien f’waqtu li Josef Buġeja tkellem dwar sitwazzjonijiet ta’ abbuż li fihom intervjeniet il-General Workers Union.
L-avvanz li seħħ fil-qasam tax-xogħol f’pajjiżna ġab miegħu bosta realtajiet ġodda. F’bosta postijiet tax-xogħol sar titjib kbir fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kemm bħala pagi tal-ħaddiema u kundizzjonijiet oħra. Il-collective barsgaining, speċjalment fis-settur pubbliku wassal biex illum bosta ħaddiema qed igawdu minn benefiċċji u drittijiet ta’ ftehimiet vantaġġużi. Imma jibqa’ l-fatt li f’pajjiżna ħafna ħaddiema mhumiex membri ta’ union.
Għalħekk, hija meħtieġa d-diskussjoni wiesgħa dwar ir-rwol tal-unions fid-dinja tax-xogħol tal-lum kif ukoll x’tip ta’ inizjattivi hemm bżonn fid-diversi setturi tax-xogħol f’pajjiżna biex jiġi aċċertat li kull ħaddiem ikollu t-trattament xieraq fuq il-post tax-xogħol.
Il-Union għandha tibqa punt ta’ riferenza għall-ħaddiema
Għalkemm il-unions tradizzjonalment kienu aktar marbuta mal-idea ta’ collective bargaining, f’dinja tax-xogħol fejn għandek aktar ażjendi li jikkuntrattaw fuq bażi personali lill-ħaddiema tagħhom, il-union trid tibqa’ tkun il-punt ta’ riferenza għall-ħaddiema kemm biex tagħti parir fil-mod kif ħaddiem jikkuntratta ma’ min se jimpjeġah kif wkoll biex tassisti fejn hemm bżonn. Apparti hekk, il-union trid wkoll tkun sors ta’ tagħrif dwar dak li huma l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ direzzjoni f’każ li jinħolqu differenzi bejn l-impjegat u l-employer.
Fil-każ ta’ ħaddiema barranin, il-union għandħa rwol importanti ferm. Ejja ma ninsewx li ħaddiem li jkun ġie jaħdem fostna se jiġi ħawn u forsi jkun jaf biss xi nies oħra li jkunu ġew minn pajjiżu. F’ħafna okkażjonijiet l-employer li jkun ġabu Malta huwa dak li jkun għamel dak kollu meħtieġ biex dan il-ħaddiem jiġi jaħdem hawn. Għalħekk, il-union għandha sservi bħala punt ta’ riferenza biex dak il-ħaddiem ikollu fejn jirrikorri fiż-żmien li jkun qed jaħdem f’pajjiżna.
F’dan ir-rigward wieħed irid jgħid li biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema irid ikun hemm ir-regolamenti adegwati kif wkoll awtoritajiet li jkollhom is-setgħa li jinfurzaw dawk ir-regolamenti. Il-union għandha rwol importanti fis-sorvelja tas-suq tax-xogħol biex jiġi identifikat fejn hemm bżonn ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet.
Isem min jabbuża għandu jiġi mxandar
Wasal iż-żmien wkoll li min-naħa tal-awtoritajiet jiġi kkunsidrat li min jabbuża u jkun ikkundannat minn Qorti li abbuża, ismu jiġi mxandar. Barra minn hekk kumpanija jew persuna li tkun instabet ħatja ta’ abbuż serju fil-konfront ta’ ħaddiema, għandu jiġi kkunsidrat mekkaniżmu li jara jekk dik il-kumpanija jew persuna hiex abbli li tkun employer. Ejja ma ninsewx li l-kuntratt tax-xogħol mhux kuntratt bħal kull kuntratt ieħor. Il-kuntratt tax-xogħol ifisser li persuna tagħti siegħat minn ħajjitha lil min qed iħaddimha biex taqla’ l-għixien tagħħa u tal-familja tagħħa u għalħekk hemm bżonn ta’ protezzjoni adegwata biex dan il-fatt jiġi protett.
Fl-istess intervista, Josef Bugeja għamel riferenza għal diversi sfidi u bidliet li qed jara fil-qasam tax-xogħol, l-aktar kif dan qed jinbidel minħabba t-teknoloġija u avvanzi oħra li qed iseħħu. Dan wkoll għandu jservi ta’ opportunità għall-union li tkun preżenti fl-aġġornament li huwa meħtieġ biex il-ħaddiema jkunu ppreparati fid-dawl ta’ dan it-tibdil li qed iseħħ u li għad irid iseħħ fiż-żmien li ġej.
L-analiżi dwar dak li għaddej fil-qasam tax-xogħol hija responsabbilta’ li għandha tintrefa’ kemm mill-Gvern kif wkoll mill-isħab soċjali. Għal dan il-għan hemm bżonn li jkompli jsir aktar investiment ta’ riċerka biex isir it-tibdil kollu meħtieġ. Il-union f’dan kollu għandħa rwol importanti biex tiżġura li kull tibdil jiżġura li l-ħaddiema ikunu qed jibbenefikaw minn dan it-tibdil fid-dawl ta’ ħtieġa ta’ work-life balance li tkompli titjieb.
Fiż-żmien li ġej huwa importanti li l-General Workers Union tkompli tgħarraf dwar il-ħidma tagħħa kif wkoll dwar proposti li tressaq minn żmien għal żmien biex ikompli t-titjib fis-settur tax-xogħol. Fuq kollox tibqa’ l-vuċi li tesponi r-realtaijiet li titlaqa’ magħhom biex l-azzjoni tittieħed dejjem u fejn meħtieġ.