Wednesday, May 14, 2025

Ngħiduha kif inhi

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

Kemm hu importanti li sa minn età żgħira it-tfal u ż-żgħażagħ jipparteċipaw f’attivitajiet li jagħtuhom l-opportunità jesprimu x-xewqat u l-ħsibijiet tagħhom. L-inizjattiva EkoSkola hija attività li qed isservi bħala tagħlim importanti lil dawk kollha li jieħdu sehem f’din l-inizjattiva.

Jista’ jkun li din l-inizjattiva titqies biss bħala opportunità ta’ tagħlim dwar kwistjonijiet ambjentali u mezz kif tinħoloq kuxjenza dwar kif jintużaw mezzi li jirrispettaw aktar lill-ambjent ta’ madwarna. Iżda fil-verità din l-inizjattiva toffri mezz ta’ tagħlim ferm aktar wiesgħa.

Is-seduta speċjali fil-parlament il-ġimgħa li għaddiet ġabet flimkien numru sabiħ ta’ tfal minn skejjel differenti ta’ etajiet differenti biex flimkien iwasslu messaġġi mħejjija minnhom bil-għajnuna tal-għalliema tagħhom. Dawn it-tfal kelllhom l-okkażjoni li jipparteċipaw f’diskussjoni fil-parlament kif wkoll ħadmu fi tħejjija għal din l-attività flimkien.

Apparti l-kontenut tal-messaġġi favur ambjent aħjar, it-tħejjija għal din l-okkażjoni fissret li t-tfal ħadmu f’tim fejn kulħadd kien qed jiftiehem x’se jkun qed jagħmel u flimkien wasslu biex ikollhom il-messaġġ tagħhom dwar it-tema li kellhom jitkellmu dwarha. Għan fih inniffsu huwa importanti ferm għall-formazzjoni tat-tfal daqs kemm huwa importanti t-tagħlim tas-suġġetti li jiġu mgħallma fl-iskola.

Għat-tfal kienet opportunità li jaghddu dawn il-messaġġi fil-preżenza tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, ministri u kelliema tal-oppożizzjoni. Huwa inkontru dirett bejn dawn it-tfal u żgħażagħ żgħar u l-persunaġġi ewlenin fit-tmexxija tal-pajjiż. Dan ukoll jagħmel din l-okkażjoni aktar importanti u kif jixraq, issir fil-parlament inniffsu fejn isiru l-għażliet ewlenin għal pajjiżna.

Tħejjija aqwa

Filwaqt li EkoSkola tiffoka fuq temi ambjentali, hemm hafna temi importanti li t-tfal u ż-żgħażagħ minn età żgħira, għandhom ikunu imħejjija għalihom. It-tħejjija mill-iskola għad-dinja tax-xogħol ma tistax tkun limitata għas-suġġetti li huma l-bażi ta’ aktar tagħlim fil-futur. Irridu nżommu f’moħħna li meta xi ħadd jispiċċa mill-iskola sekondarja ta’ sittax-il sena, illum jingħata d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-pajjiż.

L-għażla ta’ Vot Sittax kienet deċiżjoni importanti li ttieħdet fil-pajjiż għaliex wessgħet l-opportunità taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet f’pajjiżna minn età iżgħar. Issa li saret din l-għażla, hemm bżonn li ma nieqfux hemm. Jeħtieġ li dawk li se jkunu qed jiksbu l-vot ta’ sittax-il sena jingħataw tagħrif dwar dan id-dritt u għaliex huwa importanti li wieħed jeżerċita dan id-dritt.

Hemm bżonn li f’pajjiżna jkollna aktar tagħlim dwar xi tifsser il-politika. Tagħlim li l-politika mhux biss il-messaġġi partiġġjani tal-partiti politiċi u l-kummenti ta’ fuq il-mezzi soċjali. Il-politika hija mezz kif wieħed ikun ta’ servizz fil-kommunità jew għall-pajjiż u li tidħol fil-politika hija għażla li permezz tagħha qed toffri li tkun ta’ servizz fit-tmexxija għall-ġid tal-kotra.

Il-politika trid tiġi mifhuma wkoll fi sfond tal-istorja ta’ pajjiżna. Dak li għandna llum ma seħħx ghax qomna filgħodu u sibnieh hemm, imma huwa r-riżultat ta’ għażliet, ħidma u sagrifiċċji li għamlu bosta persuni li servew lil pajjiżna fl-imgħoddi kemm dak riċenti kif wkolll dak aktar imbiegħed.

Tinħass ċara li hemm nuqqas serju ta’ għarfien tal-istorja ta’ pajjiżna. Din teħtieġ li tiġi indirizzata anke jekk intilfu ħafna opportunitajiet. Tajjeb li nghidu li meta nitkellmu dwar l-istorja ta’ pajjiżna hemm bzonn nitkellmu dwar dak li ġara fl-aħħar mitt sena mhux dwar il-preistorja sal-kavallieri.

Hemm bżonn isiru aktar mistoqsijiet

Il-politika mhix biss rakkont ta’ dak li għadda. Hija wkoll il-mezz kif jitfassal il-futur tal-pajjiż. Għada jibda minn dak li nagħżlu għal pajjiżna llum. Għalhekk huwa tajjeb li tqanqlet id-diskussjoni dwar il-viżjoni ta’ pajjiżna sas-sena 2050. Viżjoni bħal dik tehtieg il-partecipazzjoni taż-żgħażagħ minn età żgħira għaliex huwa l-pjan li se jkun qed jagħti r-riżultati meta jkunu fl-aqwa tagħhom.

Għalhekk, it-tħejjija aqwa għall-politika tiġi wkoll minn tħejjija ta’ persuni li jagħrfu dawk li huma s-sinjali tal-ġejjieni. Li jkunu mgħonija b’entużjażmu li jfittixu dwar dak li huma x-xejriet f’pajjiżi oħra u kif dawn ix-xejriet qed jinfluwenzaw l-għażliet li se jkunu qed isiru.

Il-ġejjieni jrid ikun mifhum aktar bħala ġejjieni fejn it-teknoloġija se tkun parti dejjem aktar integrali minn ħajjitna u li dan iwassal biex id-dinja li nafu llum se tkompli tinbidel radikalment. Għalhekk jeħtieġ li fid-dawl ta’ dawn il-bidliet nibqgħu niżguraw li d-dinjità tal-persuna tibqa’ mħarsa u fuq kollox niżguraw li l-prinċipji ta’ ġustizzja soċjali, ħarsien u wens għal dawk l-aktar dgħajfa fis-soċjetà jibqgħu mħaddma minkejja kull bidla li naraw li sseħħ.

Il-frott ta’ għada se jinqata’ skont iż-żerriegħa li tinżergħa llum. Biex inħejju lil mexxejja ta’ għada rridu nibdew nieħdu azzjoni mil-lum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport