L-isfidi fuq il-postijiet tax-xogħol huma xi ħaġa li ħafna ħaddiema jkollhom jaffaċċjaw ta’ kuljum. Mhix kwistjoni ta’ pandemija jew invażjoni f’xi pajjiż, iżda għax f’dak li nagħmlu dejjem hemm opportunitajiet ġodda li jġibu magħhom ċertu riskju li f’dinja moderna ħafna huma dawk li saru jidħlu għalih.
Fl-aħħar snin kien hemm bosta kumaniji li għażlu li jinvestu f’pajjiżna u bix-xieraq li l-awtoritajiet Maltin kienu kburin bl-għajnuna li taw lil dawn l-istartups li tammonta għal miljuni ta’ ewro li l-matul is-snin nittamaw li jissarrfu f’biljuni fl-ekonomija ta’ pajjiżna li ladarba tibqa’ tissaħħaħ ikun ifisser li jinħolqu aktar karrieri li jwasslu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ diversi familji. Madanakollu jidher li qed ikollna problema biex ngħinu liż-żgħir. Iż-żgħir li bl-għaraq ta’ ġbinu jġibilna fuq il-mejda, prodotti li għandna tassew biex inkunu kburin bihom. Prodotti li jikbru min-nutrimenti li għadu kapaċi joffri dan il-pajjiż. Ħlejqa daqstant ċkejkna bħalma hija n-naħla, b’abbilitajiet li kapaċi timraħ u tiġbor l-aktar nutrimenti bżonnjużi u li fi kliem sempliċi kapaċi tiġbrilna mill-għelieqi tagħna, nutrimenti li aħna lanqas biss nobsru li kapaċi nsibu fi prodotti magħmulin mill-għasel.
Bħala ġurnal fl-aħħar jiem smajna l-karba tan-naħħala madwar il-pajjiż, b’uħud minnhom fi stat ta’ disprament minħabba invażjoni inkontrollabbli ta’ Bagħal taż-Żunżan li spiċċa qerdilhom kolonji sħaħ ta’ naħal li ilhom snin ikattru. Dawn in-naħħala mhumiex jitolbu miljuni f’investiment, għalkemm b’sodisfazzjon laqgħu l-fatt li f’okkażjonijiet varji l-awtoritajiet kienu hemm b’numru ta’ skemi ta’ sussidjar. Iżda din id-darba, il-karba tagħhom biex jingħataw nases speċjalizzati biex ikunu jistgħu jeqirdu l-Bagħal taż-Żunżan, li biex inkunu ċari jista’ jkun ta’ detriment anke għal saħħet il-bniedem u annimali oħrajn li jitniggżu minnu, mhux tinftiehem. Inkunu ċari, mhux mhumiex jingħataw widen, iżda mhumiex jinftehmu. L-awtoritajiet fl-ewwel diskussjonijiet laqgħu t-talba tagħhom u jinsabu lesti li joħorġu dawn in-nases fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Il-problema hija li jekk dawn in-nases joħorġu f’dak iż-żmien, il-Bagħal taż-Żunżan ikun daħal jistrieħ wara xhur jaħdem għar-reġina tal-kolonja tiegħu li toħroġ hi biss f’dak il-perjodu meta t-temp ikun aktar frisk. Dan ifisser li n-nases li jitqassmu se jkunu jistgħu jintużaw madwar sena oħra u b’hekk in-naħħala jkunu tilfu sena mill-proċess, aktar kolonji u dan ikun ifisser snin twal biex jerġgħu jirripproduċu l-kolonji tagħhom. Nemmnu li l-awtoritajiet għandhom jerġgħu jiltaqgħu madwar il-mejda u jintlaħaq ftehim biex dawn in-nies jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn.
Dawn in-nies huma l-istess nies li nfittxu biex nixtru l-prodotti tagħna u forsi ftit huma dawk li japprezzaw li wara vażett għasel żgħir hemm proċess li fil-verità jibda minn snin qabel fi tkattir ta’ kolonji ta’ naħal li f’ħidma mimlija ostakli bħalma huwa l-Bagħal taż-Żunżan, tipprova tiġbor in-nutrimenti u taħdimhom mingħajr ma tinqered minn predatur simili. Mela ejjew inkunu ġusti mal-produttur Malti, nagħtuh l-għodda li għandu bżonn u nemmnu fil-kapaċitajiet tiegħu… hekk biss nistgħu niggarantixxu li nsaħħu dak li hu tagħna u li tassew għandna biex inkunu kburin bih.