Sunday, November 24, 2024

“Ngħix għal dawn iż-żminijiet għax inħobbhom wisq”

Aqra wkoll

Jgħid dan Christopher Micallef, dilettant tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Christopher Micallef għandu 45 sena u hu dilettant kbir tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Apparti minn hekk hu artist li jaħdem l-aktar fuq statwi reliġjużi f’minjatura u restawratur. Bħalissa għaddejja wirja f’52a, Triq Lapsi, San Ġiljan. 

Dan is-sit żar din il-wirja fejn wieħed seta’ jinnota s-sbuħija ta’ dawn il-vari f’minjatura u d-dettall li fihom. L-Ecce Homo, il-Bewsa ta’ Ġuda, il-Marbut, Id-Duluri, Kristu fl-Ort, il-Vara l-Kbira, Kristu Msallab, il-Veronika u L-Erba’ Anġli mal-Monument huma ftit mill-vari li għandu Micallef li ħafna minnhom għamilhom hu u oħrajn irrestawrahom.

Aħna tkellimna miegħu dwar din in-namra li għandu għal dawn il-vari li jurihom f’dawn iż-żminijiet tant għeżież għall-knisja kattolika.

“Għalija dan iż-żmien tar-Randan, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir ifissru kollox. Ngħix għal dawn iż-żminijiet għax inħobbhom wisq. Kont wisq imnikket meta għal darba darbtejn ma stajtx nesebixxi dak li nagħmel peress li kien hawn ir-restrizzjonijiet minħabba l-pandemija. Wara kollox, dawn il-jiem huma tant importanti għall-knisja kattolika minħabba li Kristu wara li miet, reġa’ rxoxta.”

“Jien ħadt ħsieb illi nuri l-vjaġġ ta’ Ġesu’ lejn l-għolja tal-Golgota permezz tal-istatwetti tiegħi. Nieħu gost meta n-nies joqogħdu jifluhom u fuq kollox japprezzaw ix-xogħol li fihom.”

Micallef jgħidilna li hu jibda jaħseb sabiex jarma dawn l-istatwi f’minjatura proprju dakinhar ta’ Ħadd il-Karnival u jibqa’ għaddej ftit ftit tul l-ewwel jiem tar-Randan. Normalment il-wirja tinfetaħ f’Ħadd il-Palm u tibqa’ sejra għall-ġimgħa sħiħa sa Sibt il-Għid. 

Fiż-żmien ta’ preparazzjoni, Micallef jara li jinħoloq ambjent adattat għal dawn il-festi tant qaddisa. Apparti d-drapp vjola u iswed li huma sinonimi tal-Ġimgħa Mqaddsa, jipprepara dawk il-marċi funebri sabiex min jidħol jara l-wirja jidħol sew fl-atmosfera. 

Saqsejnih dwar l-ideat li jieħu sabiex jagħmel statwetta.

“Normalment nara diversi vari li joħorġu fil-purċissjonijet madwar Malta u Għawdex. Wara li nkun ħadt l-idea tiegħu, immur u nibda naħdem. Hemm xogħol ta’ paċenzja kbira minħabba li biex tagħmel statwetta jrid ikollok il-qagħda iktar u iktar meta qed taħdem fuq biċċiet veru żgħar.”

Meta mistoqsi dwar xi sett li hu aktar għal qalbu minn ieħor, Micallef weġibna li kollha huma għal qalbu għax kull waħda li għamel saret bil-qalb. Madankollu li kieku kellu jagħżel, il-mument tat-trasfigurazzjoni hi l-iktar waħda li jħobb. 

Iżda kif bdiet din in-namra lejn il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira?

“Sa minn meta kont tifel, kont nitgħaxxaq nara l-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-familja tiegħi kienu jżuru diversi wirjiet madwar Malta u minn hemm ħadt din in-namra. Irrid ngħid li nħobb ukoll il-Milied iżda l-Ġimgħa l-Kbira hi dejjem prijorità.”

Micallef jgħid li hawn ħafna żgħażagħ dilettanti tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira u dan kollu hu fattur pożittiv meta tqis li llum il-ġurnata hawn ħafna aljenazzjonijiet madwarna.

Minkejja kollox, il-kultura tal-Ġimgħa l-Kbira f’San Ġiljan, il-post fejn joqgħod, hi nieqsa kompletament, anke għax illum dan ir-raħal sar sinonimu mat-turiżmu, barranin u divertiment. Madankollu hu jgħid li din hi opportunita’ sabiex din il-wirja tkun niċċa reliġjuża fost ħafna postijiet li iktar jiffokaw fuq aljenazzjoni aktar milli ġabra. Hu kkonferma li f’dawn l-aħħar jiem ħafna nies ġew iżuru l-wirja tiegħu u dan jimlih b’sodisfazzjon kbir.

Sadanittant min jixtieq aktar informazzjoni dwar din il-wirja li qed issir f’San Ġiljan, wieħed jista’ jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook Chris Micallef Artworks. Il-wirja tinsab miftuħa sa Sibt il-Għid fejn il-pubbliku għandu ċ-ċans jara aħjar l-istatwi f’minjatura li huma ta’ kwalita’ ferm għolja.

Sport