Saturday, December 21, 2024

NGĦIXU D-DINJITÀ … SEJĦA GĦAL AZZJONI KOLLETTIVA

Aqra wkoll

Ta’ kull sena fl-10 ta’ Diċembru, id-dinja tingħaqad biex tfakkar il-Jum Dinji tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jimmarka l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) lura fl-1948. Dan il-jum mhuwiex sempliċement ċelebrazzjoni ta’ dokument storiku iżda għandu jfakkarna fil-prinċipji bħalma huma d-dinjità, il-ġustizzja u l-ugwaljanza għal kulħadd. Filwaqt li għandna nirriflettu dwar il-progress li sar fejn tjiebu d-drittijiet tal-bniedem, irridu wkoll nammettu l-isfidi li għad fadal u nġeddu l-impenn tagħna biex jiġi żgurat li id-drittijiet fundamentali jkunu għal kulħadd, kullimkien u bla preċedent. 

Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem biddlet id-dinja, billi għall-ewwel darba artikulat viżjoni universali ta’ dinjità u ugwaljanza. It-tletin artiklu tagħha jinkludu d-drittijiet li ħafna minna forsi nqisu bħala ovvji bħalma huma l-protezzjoni tal-ħajja, il-libertà tal-kelma, l-edukazzjoni, ix-xogħol, u d-dritt li ngħixu ħielsa mill-biża’ u d-diskriminazzjoni. Dawn il-prinċipji għadhom rilevanti llum daqs kemm kienu aktar minn 70 sena ilu meta kienet adottata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem min-Nazzjonijiet Magħduda.

Filwaqt li sar progress sinifikanti, il-qasma bejn l-ideali u r-realtà hija waħda kbira. Sfortunatament, għadna naraw u nisimgħu kif madwar id-dinja, miljuni ta’ nies għadhom imċaħħdin mid-drittijiet l-aktar bażiċi minħabba l-ġeneru, ir-razza, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, jew l-istatus soċjo-ekonomiku tagħhom. Reġimi awtoritarji għadhom qegħdin irażżnu l-oppożizzjoni, ġurnalisti għadhom qed jiġu msikkta u komunitajiet emarġinati għadhom qed jaffaċċjaw diskriminazzjoni u vjolenza sistemika.

Il-kriżijiet umanitarji li għaddejjin f’żoni ta’ kunflitt, it-tbatija tar-refuġjati u l-impatti sproporzjonati tat-tibdil fil-klima u l-faqar u l-ġuħ ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli juru kemm dawn id-drittijiet huma fraġli. Anki fis-soċjetajiet demokratiċi, il-popoliżmu u d-diskorsi ta’ mibegħda qegħdin jheddu l-valuri li huma minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-pandemija tal-COVID-19 żvelat aktar u aggravat l-inugwaljanzi, mill-aċċess għall-kura tas-saħħa sal-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u xogħol.

Fis-seklu 21, it-teknoloġija saret għodda ta’ setgħa kif ukoll arma ta’ oppressjoni. Il-pjattaformi tal-midja soċjali jgħinu biex jissaħħu l-vuċijiet tal-emarġinati u jimmobilizzaw movimenti bħall-#MeToo u l-Black Lives Matter. Madankollu, dawn il-pjattaformi xi drabi jservu biex titwassal id-diżinformazzjoni u għat-tkasbir tal-privatezza. Id-drittijiet tal-bniedem fl-era diġitali jeħtieġu attenzjoni urġenti, biex niżguraw li t-teknoloġija sservi lill-umanità aktar milli teqridha.

Id-drittijiet tal-bniedem mhumiex statiċi; jevolvu hekk kif is-soċjetajiet jinbidlu. Illum, kwistjonijiet bħall-ġustizzja klimatika, id-drittijiet diġitali, u d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri qed jitfaċċaw bħala frontieri kritiċi. Dawn l-isfidi jirrikjedu solidarjetà u azzjoni globali biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati.

Il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, in-negozji, u l-individwi għandhom rwol importanti x’jaqdu. Il-politiki jridu jagħtu prijorità lill-inklużjoni u l-ugwaljanza. Is-sistemi edukattivi għandhom jikkultivaw kultura ta’ empatija u mod aħjar kif jitwassal il-messaġġ. L-attivisti u l-ġurnalisti jridu jkunu appoġġjati, u l-istituzzjonijiet tal-Istat għandhom ikunu msaħħa biex iwaqqfu kull aġir irresponsabbli.

Id-drittijiet tal-bniedem huma universali, iżda d-difiża tagħhom tibda minna. Bħala ċittadini ta’ dinja interkonnessa, irridu nikkontestaw id-diskriminazzjoni u niddefendu lil dawk oppressi. L-azzjonijiet tagħna – kemm jekk billi nikkumbattu l-inġustizzji fil-komunitajiet tagħna kif ukoll billi nsaħħu kawżi globali – jiddeċiedu l-wirt li se nħallu warajna.

F’dan il-Jum tad-Drittijiet tal-Bniedem, ejjew niftakru li dawn id-drittijiet mhumiex privileġġi mogħtija lill-ftit iżda huma drittijiet li għandu jkollu kulħadd.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport