Bħalissa aktar minn qatt qabel qegħdin ngħixu f’dinja ċassa. Dinja li kważi tista’ tgħid qiegħda fi stat ta’ koma quddiem sitwazzjoni inaċċettabbli.
Qegħdin nirreferu għall-ġenoċidju li għaddej f’Gaza fejn eluf ta’ ħajjiet innoċenti ta’ tfal, nisa, anzjani u anke, għaliex le, suldati, qegħdin jintilfu minn taħt idejn Iżrael.
Idejn imċappsa bid-demm ta’ ġenoċidju rikonoxxut mill-ogħla istituzzjonijiet u qrati tad-dinja iżda xorta waħda għadu għaddej. Ġenoċidju ta’ poplu li baqa’ jsir quddiem għajnejna f’temp reali u minkejja li nafu, nitkellmu u nappellaw, xorta waħda nies innoċenti għadhom qegħdin jinqatlu.
Sitwazzjoni li f’kelma waħda u bla kantunieri hija, tal-mistħija! Il-ġenoċidju tal-poplu Palestinjan fuq kwistjoni “bla sens” ta’ territorju ilu għaddej snin twal.
Jekk naraw mill-bidu tal-aħħar konflitt, jiġifieri minn Ottubru tal-2023, diġà nqatlu 53,000 Palestinjani u kważi 120,000 sfaw feruti.
Filwaqt li aħna qegħdin ix-xogħol, jew nieklu mal-familja, niddevertu x’imkien jew inkella reqdin komdi fis-sodda fid-dar tagħna, in-numru tal-vittmi tal-Gwerra ta’ Gaża mhuwiex jieqaf.
Dan għax, għal xi raġuni, l-Iżrael ma twaqqafx milli jkompli bl-atroċitajiet tiegħu. Qisu ħadd ma jista’ għalih – la l-akbar superpotenza Amerikana, la ċ-Ċina, la l-Ewropa u ebda pajjiż ieħor.
Dawn il-pajjiżi kollha, għal xi raġuni, qegħdin jibqgħu ċassi. Mhumiex jitħarku b’azzjoni konkreta biex ikun hemm ġustizzja għal poplu mjassar. Dan bħallikieku l-qtil ta’ dawn l-innoċenti mhuwiex isir taħt l-istess sema li ngħixu taħtha lkoll kemm aħna.
Malta fiċ-ċokon tagħha tipprova. Tipprova billi permezz ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet lokali, bi sħubija ma’ oħrajn internazzjonali, turi solidarjetà u tagħti s-sostenn tagħha lill-kawża Palestinjana.
F’dawn ix-xhur saru wkoll diversi appelli ufiċċjali għall-waqfien mill-ġlied u għar-rikonoximent tal-Istat Palestinjan. Dan barra li pajjiżna jilqa’ tfal Palestinjani għall-kura.
Bħala poplu kontinwament ukoll nesprimu d-diżaprovazzjoni tagħna għal dak li qiegħed jiġri f’Gaża u ngħinu kif nistgħu.
Infakkru wkoll fl-appelli kontinwi għall-paċi mill-mibki Papa Franġisku. Dan kien iħambaq f’kull okkazjoni li kellu biex jieqaf il-ġenoċidju f’Gaża. Bħalu, il-Papa l-ġdid Papa Ljun XIV, diġà għamel appell għall-paċi.
Iżda, dawn l-appelli waqgħu u għadhom jaqgħu fuq il-widnejn torox ta’ Iżrael u tal-mexxej tiegħu Benjamin Netanyahu.
Qisu l-Vatikan m’għadx għandu dik is-saħħa jew influwenza li kellu fis-snin mgħoddija. Il-Vatikan hawn mhuwiex ċass iżda m’għandux il-poter li jista’ b’mod konkret iwaqqaf gwerer u/jew ġenoċidji.
Nemmnu li tali azzjoni hija meħtieġa minn id tal-azzar. Minn pajjiż, jew aħjar minn numru ta’ pajjiżi b’saħħithom, li kollettivament jieqfu lil Netanyahu.
Dan b’azzjoni b’saħħitha, idealment diplomatika jew b’sanzjonijiet ħorox, li juruh li mhuwiex omnipotent u fuq kull liġi. M’hemm ebda raġuni li qatt tista’ tiġġustifika dan il-ġenoċidju ordnat fuq il-poplu Palestinjan.
S’issa, imma, ħadd għadu ma ċċaqlaq. Ħadd għadu ma ħa azzjoni konkreta. Kulħadd kien u għadu, sfortunatament, ċass quddiem dan il-ġenoċidju.
Mhux talli hekk, talli ssib “sħubijiet” ma’ Iżrael. Dan kemm bħala relazzjonijiet bilaterali, negozju u lil hinn. Issib ukoll pajjiżi li “jaċċettaw” rappreżentanza Iżraelita f’attivitajiet internazzjonali. Biżżejjed insemmu l-aħħar festival tal-Eurovision.
Għal ħafna din kienet weġgħa. Iżrael saħansitra kważi rebaħ dan il-festival u kważi kien se jkun applawdit meta fl-istess ħin, b’mod parallel, l-istess pajjiż ġab trab il-Medda ta’ Gaża u qiegħed sistematikament joqtol bil-ġuħ għexieren ta’ Palestinjani.
Jekk xejn, wieħed irid iżomm f’moħħu u f’qalbu lill-povri tfal vittmi ta’ dan il-konflitt.
Hawn nistaqsu, imma qegħdin ngħixu fl-istess realtà? Qegħdin nitkellmu fuq ħajjiet prezzjużi bħalma huma dawk ta’ wliedna u tal-għeżież tagħna? Qegħdin ngħixu fl-istess dinja fejn ebda speċi ta’ annimal ma toqtol għal xejn b’xejn annimal ieħor tal-istess speċi?
Kif, quddiem sitwazzjoni bħal din, il-mexxejja tad-dinja jistgħu qatt, f’każ ta’ bżonn, jitolbu ġustizzja għalihom meta huma stess mhumiex jaraw li jkun hemm ġustizzja ma’ min bħalissa huwa fil-bżonn? Finalment nistaqsu, kif huwa possibbli li nħossuna siguri u npoġġu rasna fuq l-imħadda meta nafu x’inhuwa jiġri f’Gaza?
Il-qtil ta’ dawn it-tfal u nies huwa destin krudili għax twieldu f’Gaża. Stajna, kieku ried id-destin tagħna hekk, inkunu jien u int. F’dak il-każ, żgur li nkunu rridu azzjoni.
Għaldaqstant, wasal iż-żmien li l-mexxejja, b’mod partikolari dawk ta’ pajjiżi b’saħħithom, li llum qabel għada jqumu fuq saqajhom, isabbtuhom u jagħmlu ħoss qawwi biżżejjed biex Iżrael jieqaf mill-ġenoċidju fuq il-poplu Palestinjan.
Jekk ma jsirx hekk, il-qtil se jkompli.
Nemmnu li jekk jibqa’ ma jsir xejn, għad jiġi żmien li d-dinja jiddispjaċiha. Nemmnu wkoll li jekk jibqa’ ma jsir xejn, jiġi żmien meta l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jħarsu lejn l-Istorja u jistaqsu għala d-dinja baqgħet ċassa quddiem dan kollu.
Hawn nittamaw li ma jkunx il-każ u li nħallu dinja ġusta u ta’ paċi għal uliedna. L-ewwel pass għandu jkun proprju dak li d-dinja twaqqaf il-ġenoċidju f’Gaża. Hekk biss nistgħu ngħidu b’wiċċna ‘l quddiem li ma ngħixux f’dinja ċassa u li waqqafna sitwazzjoni tal-mistħija.