Is-Soċjetà Storiko u Kulturali tal-Belt Vittoriosa tilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar imħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela dwar l-impenn tal-Gvern li jieħu lura l-Forti Salvatur sabiex jiġi restawrat mill-istat ta’ telqa li jinsab fih wara snin twal ta’ abbandun.
Nilqgħu wkoll b’mod pożittiv il-fatt li lPrim Ministru rrikonoxxa b’mod ċar li dan il-proġett se jitwettaq fil-Birgu, b’risq il-poplu Malti kollu. Dan ir-rikonoxximent jagħmel ġustizzja mal-komunità Vittoriosana, wara snin li fihom xi wħud
ippruvaw jiċħdu jew iċċapru l-fatt storiku li l-Forti Salvatur kien u għadu jagħmel parti mill-konfini tal-Belt Vittoriosa.
Is-Soċjetà tagħna, sa mit-twaqqif tagħha fl-1954, dejjem ħadmet u għamlet pressjoni kontinwa mal-awtoritajiet sabiex is-swar u l-fortifikazzjonijiet kollha tal-Birgu, inkluż il-Forti u l-Mina tasSalvatur, jiġu restawrati u riabilitati. Din il-ħidma hija dokumentata fil-korrispondenza storika talarkivju tas-Soċjetà u qatt ma waqfet.
Fis-snin aktar riċenti, il-ħidma tagħna b’risq ir-restawr tal-Forti Salvatur tmur lura sal-2009, meta is-Soċjetà kienet bagħtet memorandum lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Ambjent ta’ dak iż-żmien, li fih elenkat diversi bżonnijiet ta’ tiswijiet urġenti fil-Birgu, fosthom dawk relatati mal-Forti Salvatur.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, b’mod regolari komplejna nagħmlu l-pressjoni meħtieġa, kemm bilkitba kif ukoll permezz ta’ laqgħat diretti mal-awtoritajiet konċernati.
Bħala Soċjetà li tħares il-patrimonju tanġibbli u intanġibbli tal-Belt Vittoriosa, servejna wkoll ta’ spalla lill-Kunsill Lokali tal-Birgu li sa mit-twaqqif tiegħu ma waqafx jgħamel pressjoni sabiex dan il-forti jerġa’ jingħata d-dinjità li tixraqlu, wara li mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn intelaq u spiċċa fi stat tal-biki.
Għalhekk, filwaqt li nilqgħu b’sodisfazzjon din l-aħbar importanti, u filwaqt li napprezzaw lappoġġ li wrew diversi NGOs kulturali u ambjentali għal din l-inizjattiva, noffru id-disponibbiltà sħiħa tagħna li nkomplu ngħinu u nikkollaboraw fejn meħtieġ, kif dejjem għamilna b’risq il-Belt għażiża tagħna li hi miżgħuda b’għadd ta’ binjiet tal-għola grad li jżejnuha u bis-swar felħana li
nbnew kemm mad-dawra kif ukoll quddiemha biex jindukrawha speċjalment dawk is-swar u fortifikazzjonijiet li maż-żminijiet ġew mitluqa.

