L-NGO Din l-Art Ħelwa f’Għawdex qalet li dan l-aħħar mexxiet kampanja ta’ tindif b’kollaborazzjoni mal-NGO Nadur Nadif u l-fergħa Għawdxija Cast Out project. Il-voluntiera neħħew madwar 40 borża żibel, erba’ kaxxi ta’ ħġieġ imkisser u żiebel ieħor.
Dan hekk kif, l-għaqdiet mhux governattivi qalu li din il-fortizza għandha bżonn manutenzjoni u enfasizzaw l-urġenza tal-preservazzjoni. L-istess inizjattiva ta’ tindif titfa’ dawl fuq kwistjoni li ilha għaddejja għal diversi snin.
Il-Fortizza tal-Qbajjar hija l-eqdem waħda miż-żewġ fortizzi li għadhom ħajjin, bl-oħra tkun il-Fortizza ta’ Sant’Antnin fil-Qala, li tmur lura għall-1730.
F’dawn l-aħħar snin, il-preservazzjoni tal-fortizza kien ta’ tħassib għal Din l-Art Ħelwa, li wkoll hija favur il-protezzjoni ta’ siti storiċi oħra li qed jistennew ir-restawr.