Monday, April 14, 2025

Nhar il-Erbgħa se ssir il-Purċissjoni s-Sewda fil-Birgu 

Aqra wkoll

Il-kult tal-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu hu b’saħħtu ħafna fil-Kottonera fosthom fil-Birgu fejn hemm għeruq storiċi fondi ħafna.

Erba’ purċissjonijiet

Hekk li skond kif jingħad fil-passat fil-Birgu kienu jsiru mhux inqas minn 4 purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Kienet issir waħda magħrufa bħala l-purċissjoni s-sewda li kienet toħroġ mill-Knisja tal-Karmnu u fiha kienu jieħdu sehem dawk li jkunu ħelsu mill-jasar minn taħt idejn l-għadu l-iktar dawk li kienu jiġu mġiegħla jaqdfu fuq ix-xwieni u l-galeri. Ħafna parteċipanti kien ikollhom il-ktajjen ma’ saqajhom biex ifakkarhom fil-jasar li kienu fih u jista’ jkun li minn hawn ġejja t-tradizzjoni li għadna naraw f’xi purċssjonijiet bħal dik tal-Mosta u ta’ San Ġorġ ta’ Għawdex.

Kienet issir purċissjoni oħra f’Ħamis ix-Xirka mill-Knisja tal-Lunzjata tal-Kommunita Dumnikana li llum m’għadhiex issir. Fil-fatt bħalissa fl-istess knisja hemm numru ta’ statwi li kienu jintużaw f’din il-purċissjoni.

Imbagħad kienu jsiru tnejn f’nhar il-Ġimgħa l-Kbira, waħda filgħodu tal-komunità Griega fil-Birgu u filgħaxija kienet issir dik li toħroġ mill-parroċċa ta’ San Lawrenz li għadha issir sal-lum u li għandha il-partikularità li l-vari mlibbsin bi ħwejjeġ ta’ veru tal-bellus u s-satin li din is-sena bil-ħidma tal-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira nbidel u sar iktar elaborat u għani. Tajjeb insemmu wkoll li din is-sena il-purċissjoni tal-Ġimgha bis-sehem tal-vari, personaġġi u l-banda Vittoriosana San Lawrenz se toħrog iktar tard, fis-6.30 p.m.

Il-Purċissjoni s-Sewda

Fis-sena 2019 fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni reġgħu bdew isiru tradizzjonijiet antiki li ma baqgħux isiru matul is-snin. Minbarra l-purċissjonijiet kull ġimgħa magħrufa bħala tal-misteri meta kull vara kienet titniżżel proċessjonalment mill-Oratorju tal-Kurċifiss sal-Knisja reġgħet ġiet introdotta b’suċċess il-purċissjoni s-sewda li ssir l-Erbgħa tat-Tniebri fit-8.00 p.m.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport