“Nhar il-Ġimgħa huwa l-bidu ta’ ħolma ġdida għal pajjiżna. Ejja ħalli nwettquha flimkien.” Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt diskussjoni maż-żgħażagħ bit-tema “I’m for Good Politics”, fejn ħabbar li nhar il-Ġimgħa li ġej se titnieda l-Viżjoni Malta 2050.
Dr Abela fisser li din il-viżjoni mhix biss dokument imma hi frott ta’ tant snin ta’ ħidma bejn stakeholders differenti tas-soċjetà fosthom iż-żgħażagħ. Huwa sostna li l-Viżjoni Malta 2050 se tfisser bidliet pożittivi tanġibbli għall-poplu Malti u Għawdxi. Bidliet għall-pensjonanti, għall-istudenti, għas-self-employed, għall-ħaddiema kollha u n-negozji f’pajjiżna.
“Il-Viżjoni Malta 2050 mhix dokument fl-astratt. Hi sett ta’ miżuri li jimpattaw fil-konkret liċ-ċittadini ta’ pajjiżna,” tenna l-Prim Ministru li fakkar ukoll kif fil-jiem li għaddew tnieda l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir waqt li ssoktat il-ħidma fuq ħames proġetti ta’ natura ambjentali – Forti Campbell, il-White Rocks, Manoel Island, Forti San Salvatur u Forti Tigné.

