Monday, December 23, 2024

Nhar il-Ħadd 27 ta’ Marzu jiġi fi tmiemu l-ħin tax-xitwa

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) ta’ Malta jixtieq ifakkar lill-pubbliku li nhar il-Ħadd li ġej — 27 ta’ Marzu 2022 — l-istess bħalma ġara sas-sena l-oħra nhar il-Ħadd fit-28 ta’ Marzu, se jintemm il-ħin tax-xitwa f’Malta u jingħata bidu għall-ħin tas-sajf.

Il-bidla li sseħħ fir-rebbiegħa twassal biex filgħaxija jdum iżjed ma jidlam u filgħodu jdum iżjed biex jisbaħ. Minkejja li dan it-tibdil iseħħ kull sena, huma bosta dawk il-persuni li jiġu f’dubju dwar kif għandhom idawru s-siegħa: jekk hux ‘il quddiem jew lura. Għaldaqstant, tinsewx li tridu tmexxu s-siegħa ‘l quddiem. Dan ifisser li f’temp ta’ ftit sekondi, il-ħin se jinbidel mis-2.00am għat-3.00am u se tkun qed tintilef siegħa ta’ rqad.

Oriġinarjament, din is-sistema li ndawru s-siegħa ‘l quddiem inħolqot sabiex in-nies ikunu jistgħu igawdu iżjed sigħat ta’ dawl naturali matul il-ġurnata. L-ewwel individwu li ppropona din l-idea kien ix-xjentist Amerikan Benjamin Franklin fl-1784. Fl-1907 William Willett li kien bennej fl-Ingilterra ħareġ bi proposta iktar serja u saħansitra ppubblika fuljett dwar dan is-suġġett bl-isem “The Waste of Daylight” minħabba li lilu kienet iddejqu s-sitwazzjoni li fis-sajf jidlam kmieni.

Fl-1916 ħareġ att bl-isem “Summer Time Act 1916” li permezz tiegħu ngħata bidu għall-ħin tas-sajf kif nafuh illum. Din il-bidla rawha bħala mod ta’ kif innaqqsu l-użu tal-fuel u mezz ta’ kif niffrankaw il-flus.

Il-ħin tax-xitwa jerġa’ jirritorna lura fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru, li din is-sena se jaħbat it-30 Ottubru.

Ekonomija

Sport