Sunday, December 22, 2024

Nhar il-Ħadd jibda l-programm tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-inawgurazzjoni tal-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu, fi Triq il-Karmnu, wara xogħol intensiv ta’ restawr u manutenzjoni li sarilha fil-ġimgħat li għaddew, bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, se tagħti bidu għall-programm tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq.

Iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni ta’ din l-istatwa restawrata se ssir nhar il-Ħadd, 12 ta’ Lulju, fl-10.00a.m. 

Għal din l-okkażjoni, il-Banda Queen Victoria se tagħmel marċ li jibda minn Misraħ ir-Repubblika u wara li jgħaddi mit-toroq Prof. P.P. Saydon, il-Ħaddiema, San Bartilmew u t-Tjieba, jispiċċa fi Triq il-Karmnu fejn issir l-inawgurazzjoni uffiċjali. Wara, għal ħabta tal-11.00a.m., fil-sede tal-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria se tittella’ ċelebrazzjoni ta’ mużika u marċi brijużi.

Minħabba l-prekawzjonijiet li qed jittieħdu kontra l-COVID-19, il-programm tal-festa ta’ din is-sena huwa wieħed ristrett ħafna. L-attivitajiet huma limitati għal ċelebrazzjonijiet b’mużika u marċi brijużi fil-każin nhar it-Tnejn 13, it-Tlieta 14, il-Ħamis 16 u l-Ġimgħa, 17 ta’ Lulju mit-8.00 p.m. ’il quddiem.

Il-festa Karmelitana ‘Mit-Tfal għat-Tfal’ se ssir nhar l-Erbgħa, 15 ta’  Lulju, meta fis-7.30p.m. tibda manifestazzjoni bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu u bl-akkumpanjament tal-Banda Queen Victoria u bis-sehem tal-kantanti Kayley Cuschieri, Luana Schembri u Mariah Spiteri.

Il-ħruġ tal-istata devota tal-Madonna tal-Karmnu mill-oratorju għall-Knisja Arċipretali se jsir b’mod privat nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ Lulju, fis-7.30 p.m.  L-għada s-Sibt, 18 ta’ Lulju, fit-8.00p.m., se jkun organizzat BBQ grandjuż u serata ta’ divertiment bis-sehem ta’ talent lokali u l-Banda Queen Victoria.

Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu se tkun iċċelebrata nhar il-Ħadd, 19 ta’ Lulju. Fid-9.00a.m. se ssir Quddiesa kantata u solenni mmexxija mill-Arċipriet Mons Karm Mercieca, fejn jinseġ il-paniġierku Patri Aaron Zahra O.P. Kif tispiċċa l-quddiesa titkanta l-antifona Flos Carmeli, mużika ta’ Mro Dr Paolo Nani, segwita mill-kant tal-Innu Popolari. Fil-11.30a.m. se ssir ċelebrazzjoni b’mużika popolari u marċi brijużi fil-każin.

L-attivitajiet ikomplu fis-6.45p.m. bl-Għasar solenni bil-mużika mmexxi minn Mons Karm Camilleri. Wara, fis-7.30p.m., jibda ħiereġ il-Pellegrinaġġ devot bil-vara artistika u devota tal-Madonna tal-Karmnu li tintlaqa’ mill-Banda Queen Victoria li tkompli takkumpanja fil-purċissjoni fit-toroq taż-Żurrieq b’innijiet Marjani.

Ix-xogħol pirotekniku kollu matul il-festa huwa maħdum mill-Mount Carmel Fireworks Factory.

Ekonomija

Sport