Karmenu Muscat, ir-raġel li titlef ħajtu traġikament fil-Park and Ride tal-Furjana, se jkun qiegħed jingħata l-aħħar tislima nhar is-Sibt, 2 ta’ Awwissu, fid-8:45 a.m. fil-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina tan-Naxxar.
Kien ibnu li fuq il-midja soċjali kiteb li l-familja trid tagħtih l-aħħar tislima “u nfakkru b’għożża l-ħajja tiegħu”.
Karmenu, li kien residenti n-Naxxar u missier ta’ żewġt itfal, kien dilettant kbir tal-festa fejn kien iqatta’ ħafna ħin jgħin fl-armar kif ukoll kien jerfa’ l-vara titulari ta’ Marija Bambina.
Apparti minn hekk, fl-1980 hu kien irrappreżenta lil Malta fl-Olimpjadi li kienu saru f’Moska. Karmenu kien ħa sehem fit-tellieqa individwali u fit-Team Time Trial taċ-ċikliżmu.