Ħafna drabi, meta nitkellmu dwar il-fondi Ewropej, moħħna mill-ewwel imur fuq proġetti kbar infrastrutturali fl-istituzzjonijiet edukattivi, fit-toroq, fl-immaniġġjar tal-iskart u l-ilma, fl-ambjent u proġetti oħra fuq livell nazzjonali.
Imma spiss ninsew l-impatt aktar mill-qrib fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna permezz ta’ proġetti żgħar, li jmissu direttament il-qalba tal-komunitajiet fil-lokalitajiet tagħna. Dawn il-proġetti żgħar jiftħu bibien u opportunitajiet ġodda għal dawk li jiggwadanjaw minnhom.
Bħala Servizzi Ewropej f’Malta, kontinwament matul is-sena ngħinu għaqdiet volontarji u entitajiet oħra biex japplikaw għal proġetti żgħar li jagħmlu d-differenza.
Dan l-aħħar, permezz tal-Erasmus+ żorna żewġ ħolmiet li nbidlu f’realtà. L-ewwel wieħed fl-isport, ma’ Żurrieq FC, u l-ieħor fis-settur soċjali ma’ Service Dogs Malta Foundation. Minkejja d-daqs relattivament żgħir tagħhom, dawn iż-żewġ proġetti diġà qed iħallu impatt pożittiv ħafna fuq il-komunitajiet Maltin.
Permezz tal-Erasmus+, il-klabb sportiv Żurrieq FC irnexxielu jgħolli l-livell tal-coaching fi ħdanu, biex it-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu l-klabb ikunu jistgħu jiksbu l-aqwa taħriġ fil-logħba tal-football. Bl-għajnuna ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, il-klabb seta’ jibgħat numru ta’ coaches u membri tal-istaff tiegħu fil-Polonja biex jitħarrġu u jiksbu aktar tagħrif fl-isport tal-football. Dan it-taħriġ ma kellux l-għan biss li jtejjeb il-ħiliet tekniċi tagħhom, iżda wkoll biex isaħħaħ l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni fl-isport.
Kull min kien parti minn dan it-taħriġ, ġie lura b’għarfien u metodoloġiji ġodda li llum qed jissarrfu fi tfal aktar motivati, żgħażagħ li qed isibu spazju sigur u miftuħ għal kulħadd, u klabb b’viżjoni aktar moderna u ta’ suċċess.
Min-naħa l-oħra, il-proġett tas-Service Dogs Malta Foundation huwa xhieda oħra tal-impatt li jħallu proġetti fuq skala żgħira b’fondi Ewropej. Membri ta’ din il-fondazzjoni tħarrġu fl-Ungerija dwar metodi avvanzati għat-taħriġ ta’ klieb ta’ servizz u ta’ terapija. Dan mhux biss tejjeb il-professjonalità tal-organizzazzjoni, iżda wassal biex bosta persuni b’diżabilità, inkluż tfal bl-awtiżmu, individwi b’dijabete, problemi ta’ mobilità jew ta’ smigħ, jingħataw l-appoġġ meħtieġ sabiex jgħinhom iħossuhom inklużi fis-soċjetà u jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Kemm hi ħaġa sabiħa li tisma’ stejjer ta’ persuni li kisbu fiduċja ġdida f’ħajjithom permezz ta’ kelb ta’ servizz? U kemm jiswa li tara żieda fil-kapaċità ta’ fondazzjoni li taħdem kuljum b’dedikazzjoni u volontarjat? Għalina ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, dan hu l-qofol tal-missjoni tagħna: li nagħmlu l-fondi Ewropej aċċessibbli, u li npoġġu lil min hu vulnerabbli fiċ-ċentru tal-prijoritajiet.
Dawn iż-żewġ proġetti juru b’mod konkret kif il-fondi Ewropej jistgħu jagħmlu differenza konkreta fil-komunitajiet tagħna, anke meta l-inizjattivi jkunu ta’ skala żgħira. Żurrieq FC u Service Dogs Malta Foundation huma prova li investiment relattivament limitat jista’ xorta jwassal għal aktar kwalità, aktar opportunitajiet, aktar għajnuna u servizzi aktar b’saħħithom għal dawk li għandhom bżonn.
Bħala Servizzi Ewropej f’Malta nemmnu li kull idea li tista’ ttejjeb il-ħajja, anke ta’ individwu wieħed, għandha tiġi appoġġjata. Għalhekk nirrikonoxxu l-valur ta’ dawn il-proġetti u nħeġġu lill-għaqdiet, klabbs u individwi biex jinvestu fil-potenzjal tagħhom għax meta l-opportunità tingħata u l-appoġġ ikun hemm, proġett żgħir kapaċi jinbidel f’benefiċċji fejjieda għall-komunitajiet tagħna.
Bħalissa jinsabu miftuħin bosta sejħet li jaqgħu taħt il-programm Erasmus+. Biex tkun taf aktar dwar l-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej jew tinħtieġ assistenza biex tapplika, kellimna fuq [email protected] jew 2779 7300.

