Friday, April 4, 2025

‘Nibkiha’… dak li nagħmel meta nħares lejn il-gallarija Maltija llum- Salvu

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-gallarija Maltija tfisser għalija opra kbira daqs kemm tkun kbira pittura ta’ pittur famuż. Illum spiccat. L-aktar ħaġa li jiddispjaċini li m’għadhomx jaħdmuhom tradizzjonalment. Ilum kaxxi qegħdin jagħmlu. X’ħin iridu jmorru jaraw gallarija u jkunu jafu x’qed ngħid. Jiġifieri l-gallariji ta’ llum m’għandhomx ħajja twila, għax l-elementi tax-xita u xemx jagħfas fuqha ħafna peress li tkun sbuzzata aktar ‘barra mill-bini. Gallarija maħdmuma b’mod tradizzjonali għandek ħajja twila. Tkun ta’ llum bi produzzjoni tal-massa flok tiżbogħha ibdilha  kull ħames snin, għax tispiċċa,  għax kullimkien jinfetaħ u jidħollok l-ilma.”

Dań sostnieh ma’ IT-TORĊA, Salvu, mastrudaxxa prim li għal parti l-kbira minn ħajtu ħadem fuq il-gallariji  tal-injam Maltin. Gallariji li x-xogħol fl-injam tagħhom, u l-kuluri tagħhom saru parti mill-ambjent urban Malti.

“Jien twelidt hawn l-Isla. Eżatt wara l-gwerra. Jien wieħed minn tal-Baby Boom.  Minn dejjem ħdimt ta’ mastrudaxxa. Mindu kelli erbatax-il sena bdejt naħdem fis-sengħa tal-injam. Dan il-post hawn kien jintuża minn missieri, kien ħanut tax-xorb. Missieri ħallieni ta’ ftit snin u wara kompliet  tmexxi l-ħanut. Meta kbirt imbagħad ħadtu jien”.

Ritratt: Joseph Calleja

Salvu jibda jurini diversi għodod li insibu f’dan il-ħanut. Post li għadu  tista’ tgħid kif kien snin ilu. Salvu, ħabib kbir tal-Perit Duminku Mintoff. Ma jonqosx li fil-ħanut ssib diversi ritratti imdaqqsin tal-perit u ritratti ta’ Salvu miegħu. U Salvu ma jonqosx li jibda jirrakkonta.

Nistaqsih kif beda jaħdem fis-sengħa tal-injam. Salvu mingħajr ma jagħtik ċans jgħidlek “mindu kont żgħir. Kif tgħallimt kont bdejt mal-kuntrattur Caruana l-Belt. Għamilt għaxar snin u dabbart rasi biex ngħolli l-paga. Dħalt mal-pijunieri u xorta kont nagħmel ix-xogħol ta’ mastrudaxxa.  B’dak il-mod kelli ħin biżżejjed biex naħdem xogħol għall-klijenti tiegħi”, jgħidlina Salvu.

Ma’ Salvu nitkellem fuq il-gallarija Maltija. Gallarija li tant hi għal qalbu. Dan minħabba is-sengħa li fiha biex tinħadem, li llum din is-sengħa kważi għebet minn pajjiżna. 

“Jien meta nħares lejn il-gallarija Maltija llum – dik tal-injam, nibkiha.  Llum jiddispjaċini ngħid mhux gallarija qegħdin jagħmlu imma kaxxa. Per eżempju l-parti ta’ fuq nett tal-gallarija Maltija aħna konna ngħidulha l-kuruna. Issa għandek il-parti li konna ngħidulha l-istatura tal-gallarija li hi l-biċċa ta’ fuq. Ta’ isfel ngħidulha l-bankun. Issa mal-bankun kien kun hemm dik li konna ngħidulha iz-zokklatura. Konna naħdmu kollox bil-mincotti u ningaljawha fil-ħajt tal-faċċata tad-dar”. 

“Imbagħad għandek il-purtelli. Taħt kull portella mis-saqaf sa isfel konna nagħmlu l-frieket mill-gallarija, Il-furkettun jidħol fl-art u jiġi eżatt sal-gallarija u imbagħad jidħol fil-ħajt. Meta tkun għamilt il-frieket inti litteralment tkun irbatt il-gallarija.   Illum din ma ssirx. Illum iġibulek il-gallarija sħiħa. Dik hi s-sistema li qegħdin jaħdmu biha llum. Kollox sar mgħaġġel illum hux. Jien li jiġu u jagħmluha hekk hi sagrileġġ għalija li naħdem bit-tradizzjoni Maltija”. 

“Jien skola ma nafx….imma l-gallarija

Maltija hi biċċa arti”

Salvu imur f’parti oħra tal-ħanut u jġibilna biċċiet biex narahom. “Jien ma nafx skola. Imma il-gallarija tal-injam Maltija hi biċċa arti.  Jien li kont naħdimha bit-tradizzjoni Maltija, naraha xi ħaġa unika.  Din qed taraha. Din il-kuruna”.

Idur lejja u jgħidli  “aqbad f’idejk taħseb li din inkullata?”.  Flejtha jien u l-fotografu li kelli miegħi. Fejn l-injam jingħaqad kien jidher magħqud sew.  Kienet tidher biċċa waħda. 

“Inkullata tidher” kienet ir-risposta tiegħi. Salvu jitbissem ftit. Jieħu l-kuruna minn idejja, u f’kemm ilin ngħidlek dik il-parti tal-kuruna li hi waħda mill-kantunieri tiżżarma. “Fil-kuruna għandek il-bastun, din ngħidulha il-gula u għandek id-dent”, ikompli Salvu waqt li spjega dak li beda jgħidilna.

‘Fl-opinjoni tiegħu l-gallarija ma tistax

tkun produzzjoni għall-massa’

Salvu jkompli jgħidilna li “imbagħad fuq il-kuruna jiġi is-saqaf. Dak ikun magħmul minn marine plywood u dan jgħin biex jipproteġi l-gallarija mill-ilma. Fuqu imbagħad nagħmlu l-fdewwex. Dak tagħmel il-qlib biex l-ilma jaqleb għal barra. Ma tridx tagħmel ħafna qlib għax inkella l-ilma jċarċar mal-gallarija. Fl-antik is-saqaf kienu jagħmluh bix-xorok.”

Lil Salvu nirrimarkawlu li meta nitkellmu fuq il-gallarija Maltija qegħdin nitkellmu fuq struttura tal-injam, esposta għall-elementi. Id-domanda tagħna kienet ċara, dik ta’ kemm eżattament isservi din il-gallarija u kemm hemm bżonn manutenzjoni. Salvu jgħidilna li “din bħal kull ħaġa oħra trid ittiha l-manutenzjon. Qisu kull ħames snin trid ittiha manutenzjoni. Jekk iżżomha bil-manutenzjoni ta’ darba kull ħames snin, gallarija għandha isservik madwar ħamsin sena.”

“Illum ftit fadal min jagħmel dan ix-xogħol fuq il-gallarija kif konna nagħmluh aħna. Illum kollox iddakkar mill-produzzjoni tal-massa. Fl-opinjoni tiegħi l-gallarija Maltija  ma tistax tkun produzzjoni tal-massa. Fl-imgħoddi aħna konna narmaw u intellgħuha aħna, wara li nkunu ħadan l-qisien u kejjilna fuq il-post. Illum iġibuha lesta u jarma bil-krejn.”

Il-kuluri?…..liema l-aħjar?

Ma’ Salvu nitkellmu dwar il-kuluri tal-gallarija Maltija. Nirrimarkawlu biex meta wieħed jiflihom  isib li dawn il-gallarija ikunu miżbugħin b’kuluri differenti u xi drabi bil-verniċ u dan  ħafna drabi jgħin biex isebbaħ l-estetika ta’ dik it-triq partikolari.

Salvu jgħidilna li “importanti li l-gallarija tkun miżbugħa biż-żebgħa u mhux bil-verniċ. Iż-żebgħa hi aktar b’saħħitha. Issa fejn jidħlu l-kuluri għandek l-aħdar u l-aħmar dawk ituk battikata. Dan għax ix-xemx tagħmel sew fuqhom u ż-żebgħa tibda titfarfar. L-aħjar kulur hu l-isfar”.

Nixtieq nerġa’ nara l-gallariji jinħadmu

kif kienu fl-imgħoddi

Salvu jitkellem magħna dwar il-vantaġġ tal-gallarija. “Fl-imgħoddi kien hawn il-kerrejjiet. Kien hemm nies li jgħixu fihom li la jkollhom   bejt, la bitħa u anqas aċċess għal barra minn darhom. Għalhekk il-gallarija  għandha l-vantaġġ li toħorġok il-barra mill-bini biex tara aktar. Fix-xita tista’ tittawwal u jekk tkun ix-xemx tħalliha miftuħa u tara xorta. Illum hawn ħafna għajnuniet biex tirrestawra l-gallariji.  Li jiddispjaċini hu li ċertu tradizzjonijiet marbutin max-xogħol fuq il-gallarija bdew jaqtughħom.”

Isostni li “min jaħdem bħali bħalissa ma jieħux pjaċir hu. Jien per eżempju b’injam mastizz biss kont naħdem. Issa jekk għalaqna l-iskejjel tas-snajja, it-tfal li telgħin fejn se jitgħallmu fuq ix-xogħol tradizzjonali fuq il-gallarija.  Jien nixtieq nerġa’ nara l-gallariji jinħadmu kif kienu. Dik biċċa arti.” 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport