Binja storika partikolari fl-Imtarfa qdiet diversi rwoli matul is-snin. Wara li kienet is-Sptar Navali Rjali, serviet ukoll bħala skola u bħala uffiċċji tas-settur pubbliku. Madankollu, fl-aħħar snin, parti kbira minnha baqgħet kważi ma tintużax. Issa, il-binja dieħla f’fażi ġdida, hekk kif saret il-kampus permanenti ta’ Haileybury Malta. Permezz tal-appoġġ tal-Malta Development Bank, ġie mmobilizzat finanzjament ta’ €10 miljun għal investimenti eliġibbli fir-riabilitazzjoni tal-binja marbuta mal-klima, l-ambjent u l-infrastruttura.
Tkellimna maċ-Chairperson tal-MDB biex nifhmu għaliex ir-riabilitazzjoni ta’ binja bħal din hija importanti, mhux biss għall-ġejjieni ta’ dan il-post storiku, iżda wkoll għall-mod kif pajjiżna jista’ jiżviluppa b’mod aktar sostenibbli.
- Is-sostenibbiltà ħafna drabi tiġi assoċjata ma’ bini ġdid. Għaliex huwa daqstant importanti li nirriabilitaw u nagħtu ħajja ġdida lil binja storika bħal din?
L-iżvilupp mhux bilfors ifisser li nibnu mill-ġdid. Xi drabi jfisser li nagħrfu l-potenzjal ta’ dak li diġà għandna u nagħtuh funzjoni ġdida li tħares lejn il-futur.
Għal ġenerazzjonijiet sħaħ, din il-binja serviet lil Malta b’modi differenti. Meta post bħal dan jitħalla vojt, jintilef kemm l-iskop tiegħu kif ukoll il-valur li jista’ jkompli joffri. Ir-riabilitazzjoni tagħha turi li l-ħarsien tal-wirt tagħna jista’ jimxi id f’id mal-ħtiġijiet tal-lum. Bl-investiment it-tajjeb, binja eżistenti tista’ tingħata ħajja ġdida, issir aktar effiċjenti u tibqa’ ta’ servizz għas-snin li ġejjin.
- Il-fatt li binja antika tiġi riabilitata u użata mill-ġdid ifisser bilfors li l-proġett huwa sostenibbli?
Le. Ma nistgħux insejħu proġett “sostenibbli” sempliċement għax qed juża binja antika. Jeħtieġ li jkun hemm benefiċċji ambjentali ċari li jistgħu jitkejlu.
F’dan il-każ, huwa stmat li, wara r-riabilitazzjoni, il-binja se tuża madwar 75% inqas enerġija primarja. Il-MDB ivverifika li l-proġett jissodisfa l-kriterji ambjentali rilevanti tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Garanzija ta’ Sostenibbiltà tal-Fond Ewropew tal-Investiment. Dan ifisser li l-benefiċċji ambjentali mhumiex biss wegħda, iżda huma bbażati fuq kejl reali.
- L-MDB jgħid li “mmobilizza” €10 miljun. Dan xi jfisser fi kliem sempliċi?
Dan ifisser li l-MDB ġab flimkien żewġ sorsi ta’ finanzjament. Permezz tal-Guaranteed Co-Lending Scheme, l-MDB qed jipprovdi €5 miljun u bank kummerċjali qed jipprovdi €5 miljun oħra. L-MDB qed jiggarantixxi wkoll parti mis-sehem ipprovdut mill-bank kummerċjali.
Fi kliem sempliċi, l-MDB mhux biss qed jagħmel il-fondi tiegħu disponibbli, iżda qed juża wkoll garanzija biex jgħin jimmobilizza finanzjament kummerċjali addizzjonali. L-ammont sħiħ ta’ €10 miljun huwa self li jrid jitħallas lura, mhux għotja. Dan il-mudell iqassam ir-riskju u jgħin biex investiment eliġibbli u vijabbli jkun jista’ jitwettaq.
- Jekk bank kummerċjali kien lest li jsellef, għaliex kien meħtieġ l-MDB?
Eżempji ta’ banek kummerċjali f’Malta huma APS Bank, BOV u HSBC. Bank kummerċjali jista’ jkun lest li jiffinanzja klijent, iżda mhux dejjem ikun f’pożizzjoni li jerfa’ r-riskju kollu waħdu. Proġetti ambjentali u infrastrutturali ħafna drabi jeħtieġu investiment sostanzjali fil-bidu, filwaqt li l-benefiċċji tagħhom jidhru fuq medda itwal ta’ żmien. Għalhekk, jistgħu jitqiesu bħala aktar riskjużi u jkunu aktar diffiċli biex jiksbu finanzjament.
Permezz tal-kofinanzjament u l-garanziji, l-MDB jieħu fuqu parti minn dan ir-riskju u jnaqqas l-espożizzjoni tal-bank kummerċjali. B’hekk, jgħin biex investimenti eliġibbli u vijabbli jkunu jistgħu jitwettqu. Dan huwa r-rwol ta’ bank tal-iżvilupp fil-prattika: mhux li jieħu post il-banek kummerċjali, iżda li jaħdem magħhom biex aktar investimenti vijabbli jiksbu l-finanzjament li jeħtieġu.
- Sa fejn jasal l-involviment tal-MDB f’dan il-proġett?
Ir-rwol tal-MDB f’dan il-proġett huwa ċar. L-appoġġ tagħna huwa marbut ma’ investimenti eliġibbli fil-klima, fis-sostenibbiltà ambjentali u fl-infrastruttura, li jiffurmaw biss parti minn proġett ferm usa’.
Ir-responsabbiltà tagħna hija li niżguraw li l-investimenti li nappoġġaw ikunu eliġibbli, vijabbli u konformi mal-kriterji ambjentali rilevanti. L-involviment finanzjarju tal-MDB ma jfissirx li l-Bank jiddeċiedi dwar, jew japprova, aspetti oħra tal-proġett li jaqgħu barra mill-mandat tiegħu.
- Dan huwa każ uniku, jew il-mudell ta’ finanzjament tiegħu jista’ jiġi applikat għal proġetti oħra f’Malta?
Din il-binja għandha storja partikolari, iżda l-mudell ta’ finanzjament użat għar-riabilitazzjoni tagħha jista’ jiġi adattat għal proġetti oħra. Malta għandha ħafna binjiet eżistenti li jistgħu jingħataw użu ġdid permezz ta’ pjan tekniku sod u finanzjament adegwat. Kull proġett għandu d-daqs, il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi tiegħu.
Il-messaġġ ewlieni huwa li pjan tajjeb, waħdu, mhuwiex biżżejjed. Jeħtieġ ukoll il-finanzjament biex dak il-pjan ikun jista’ jitwettaq. Il-finanzjament għall-iżvilupp jgħin biex inaqqas din id-differenza billi jgħaqqad riżorsi Ewropej, fondi tal-MDB u finanzjament mill-banek kummerċjali.
- X’parir tagħti lis-sidien ta’ negozji li qed jikkunsidraw investiment ekoloġiku, iżda għadhom fil-bidu tal-proċess?
Kellmuna sa minn stadju bikri. Proġett m’għandux għalfejn jinvolvi monument nazzjonali biex ikun importanti. Investiment fl-effiċjenza enerġetika, f’tagħmir aktar nadif jew f’infrastruttura sostenibbli jista’ jnaqqas l-ispejjeż, jagħmel negozju aktar kompetittiv u jgħin lil Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha.
Id-diskussjoni tista’ tibda qabel ma jkun ġie deċiż kull dettall. Aħna neżaminaw jekk l-investiment huwiex eliġibbli u vijabbli, u jekk l-għodod finanzjarji tagħna jistgħux jgħinuh jitwettaq. Idea tajba ssir investiment sostenibbli meta tkun sostnuta minn pjan konkret u mill-finanzjament meħtieġ biex issir realtà.

