F’binja pubblika tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fir-Rabat saret rinnovazzjoni sħiħa tal-binja bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta (RRP), liema investiment huwa maħsub biex isaħħaħ l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-settur pubbliku. Dan qed jintlaħaq billi jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u tiġi minimizzata l-ħela tal-enerġija, permezz ta’ xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u retrofit fuq binjiet pubbliċi.
Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u mis-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia.
Din ir-rinnovazzjoni kienet tinkludi tibdiliet sostanzjali kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra tal-istruttura tal-binja. Infatti, ix-xogħlijiet li twettqu inkludew sistemi ta’ drenaġġ, provvista tal-elettriku permezz ta’ panelli solari, sistemi tad-dawl, xogħlijiet tal-ġibs (gypsum), sistemi HVAC, pavimentar, xogħlijiet ta’ tikħil, kif ukoll l-installazzjoni ta’ aperturi ġodda (bibien u twieqi tal-aluminju bi ħġieġ doppju).
Apparti minn hekk, saret ventilazzjoni naturali li ġiet iddisinjata biex tidħol f’kull spazju permezz ta’ kurrenti tal-arja kkawżati mir-riħ, filwaqt li ġiet installata insulazzjoni densa fuq il-ħitan esterni u s-saqaf. Miżuri oħra ta’ sostenibbiltà inkludew l-installazzjoni tal-pannelli fotovoltajiċi u kanopji fuq aperturi li jħarsu lejn in-Nofsinhar biex jitnaqqas l-effett tax-xemx. Dawn l-interventi wasslu biex il-binja tikseb Ċertifikat tal-Prestazzjoni Enerġetika (EPC) negattiv, li jfisser li tipproduċi aktar enerġija minn kemm teħtieġ għall-operat tagħha stess. B’hekk il-binja se tkun qed tuża 100% tal-enerġija tagħha b’enerġija rinnovabbli, u għalhekk se tnaqqas id-domanda minn fuq is-sistema tal-enerġija primarja tal-pajjiż.
Dan kollu jallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050, speċifikament il-makro miżuri 68 u 70 tal-Viżjoni fejn l-għan primarju huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet kif ukoll tissaħħaħ is-sehem tal-enerġija rinnovabbli f’Malta permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-Fondi Ewropej qed jintużaw biex titjieb l-effiċjenza enerġetika ta’ binjiet pubbliċi u jitnaqqas l-impatt ambjentali tagħhom, b’dan l-investiment jammonta għal madwar €700,000. Huwa sostna li permezz tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Malta qed tinvesti b’mod strateġiku biex tagħmel l-infrastruttura pubblika aktar effiċjenti u sostenibbli.
“Investimenti bħal dawn mhux biss itejbu l-kwalità tal-ispazji fejn jaħdmu l-impjegati u fejn jingħataw is-servizzi lill-pubbliku, iżda jikkontribwixxu wkoll għall-miri nazzjonali u Ewropej relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u l-użu aktar responsabbli tal-enerġija,” sostna l-Ministru Zrinzo Azzopardi. Huwa rringrazzja lill-entitajiet u lill-ħaddiema kollha involuti, u saħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-ministeri biex jitwettqu proġetti li jġibu benefiċċji għall-komunità.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal, “Din il-binja fir-Rabat hija waħda minn għaxar binjiet fi ħdan il-Public Works illi f’din l-aħħar sena investejna bis-saħħa sabiex intejbu l-infrastruttura, kif ukoll issir rinnovazzjoni sħiħa biex din il-binja verament tiġi kollha ‘energy-efficient’. Dan il-proġett anke juri sinerġija bejn entitajiet u dipartimenti diversi tal-Gvern, permezz ta’ fondi Ewropej għal dawn it-tipi ta’ proġetti. Apparti minn hekk, dan il-proġett qed jagħti lill-ħaddiema ambjent isbaħ u sigur fuq il-post tax-xogħol tagħhom.”
Mil-lat tekniku, il-project manager Eman Portelli qal li din il-binja ġiet mibdula għall-binja ‘energy-efficient’ u dan sar billi twaħħlu panelli ta’ insulazzjoni mal-ħitan ta’ barra, thermaseal fuq il-bejt, double-glazing, kif ukoll fuq 20 panella fotovoltajika, fost affarijiet oħra.

