F’nofs lejl kwiet, tifel żgħir jistaqsi mistoqsija sempliċi li tgħabbi qalb kull min jismagħha: “Meta se nerġa’ nara lil papa?”
Mhijiex mistoqsija ta’ kurżità, iżda ta’ inċertezza. F’dar oħra, tifla tistenna telefonata li ma tasalx, waqt li tipprova tifhem għaliex id-dinja tagħha nbidlet f’daqqa. Dawn mhumiex każijiet iżolati izda huma realtajiet li jgħixu ħafna tfal meta relazzjoni bejn il-ġenituri tagħhom tintemm.
F’dawn il-mumenti, il-mod kif l-adulti jiddeċiedu u jikkomunikaw jista’ jħalli impatt li jdum ħajja sħiħa. F’soċjetà li qed tinbidel b’pass mgħaġġel, il-familja tibqa’ l-qalba tal-komunità tagħna. Meta relazzjoni tintemm, mhux biss jintemmu rabtiet bejn żewġ adulti, iżda jinħoloq mument kruċjali fejn irridu niddeċiedu kif se nipproteġu u nsaħħu l-ġenerazzjonijiet futuri. Hawnhekk tidħol il-medjazzjoni, mhux bħala formalità legali, iżda bħala opportunità reali għal bidu ġdid.
F’Malta il-medjazzjoni hija pass obbligatorju qabel ma każ ta’ separazzjoni jasal il-Qorti, iżda ħafna drabi qed tintuża bħala estensjoni tal-proċess ġudizzjarju aktar milli bħala spazju ta’ fejqan u ftehim . Dan ifisser li għandna sistema tajba fil-prinċipju, iżda b’potenzjal akbar li għad irridu nisfruttaw.
Il-medjazzjoni għandha tkun aktar minn negozjar ta’ kundizzjonijiet. Għandha tkun spazju fejn il-ġenituri jitgħallmu kif jikkomunikaw mill-ġdid, kif jittrattaw il-kunflitt u kif ipoġġu lit-tfal fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħhom.
Ir-riċerka turi li l-akbar fattur li jaffettwa lit-tfal wara separazzjoni mhuwiex it-tmiem tar-relazzjoni nnifsu, iżda l-livell ta’ kunflitt bejn il-ġenituri. Studji juru li kunflitt kontinwu bejn il-ġenituri huwa marbut ma’ problemi emozzjonali, soċjali u ta’ mġiba fit-tfal, inkluż aktar diffikultajiet fir-relazzjonijiet u inqas sens ta’ sigurtà.
F’dan il-kuntest, il-medjazzjoni għandha rwol kruċjali. Evidenza empirika turi li l-medjazzjoni tista’ tnaqqas il-kunflitt bejn il-ġenituri, ittejjeb il-komunikazzjoni u tgħin biex jinbena mudell ta’ co-parenting aktar kooperattiv . Dan huwa essenzjali, għax tfal li jikbru f’ambjent fejn il-ġenituri jikkollaboraw jesperjenzaw inqas stress u riżultati emozzjonali aħjar .
Barra minn hekk, studji fit-tul juru li l-effetti tal-medjazzjoni ma jieqfux mal-ftehim inizjali. Anke snin wara s-separazzjoni, ġenituri li għaddew minn medjazzjoni juru livelli aktar baxxi ta’ kunflitt u aġġustament psikoloġiku aħjar meta mqabbla ma’ dawk li għaddew minn proċessi kontenzjużi.
Fl-istess ħin, interventi li jiffukaw fuq il-co-parenting juru li r-relazzjoni bejn il-ġenituri hija fattur li jista’ jinbidel u jtejjeb direttament il-benesseri kemm tal-ġenituri kif ukoll tat-tfal . Dan ifisser li l-medjazzjoni mhijiex biss mezz biex jintlaħaq ftehim, iżda għodda attiva ta’ prevenzjoni u appoġġ.
Għalhekk, meta l-medjazzjoni tkun imfassla tajjeb, hija toħloq spazju fejn il-ġenituri mhux biss jiddeċiedu “min jieħu xiex”, iżda jitgħallmu kif jibqgħu ġenituri flimkien, b’mod li jnaqqas il-ħsara emozzjonali u jsaħħaħ l-istabbiltà tat-tfal.
Dan huwa messaġġ importanti għal pajjiżna, fejn mhux biżżejjed li nagħtu drittijiet, izda rridu nagħtu wkoll għodod. Il-politika moderna trid tiffoka mhux biss fuq il-liġi, iżda fuq kif dik il-liġi tgħin lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum.
Opportunità għal riforma pożittiva
Ir-riforma tal-liġi tal-familja tista’ tkun pass kbir ‘il quddiem jekk nibnu fuq dak li diġà għandna. L-istudju juri b’mod ċar li professjonisti kollha, minn avukati sa terapisti, għandhom fiduċja fil-medjazzjoni, iżda qed jitolbu titjib fis-sistema.
Dan ifisser li m’aħniex nibdew mill-bidu. Għandna pedament sod ta’ sistema ta’ medjazzjoni li diġà teżisti, ta’ professjonisti impenjati, u għarfien dejjem jikber dwar il-bżonnijiet tat-tfal. Issa rridu nieħdu dan il-pedament u nibnuh f’sistema aktar umana, aktar effiċjenti u aktar iffukata fuq il-benesseri tal-familji.
Il-politika hija bħala forza ta’ bidla. Bħala pajjiż li jemmen fil-ġustizzja soċjali, għandna responsabilità li nkomplu ntejbu s-servizzi li jolqtu direttament lill-familji. Dan jista’ jsir permezz ta’ aktar investiment fil-medjazzjoni, taħriġ kontinwu għall-professjonisti u aktar appoġġ lill-ġenituri waqt u wara s-separazzjoni.
Politika li tassew tħares lejn in-nies tfisser politika li tifhem ir-realtajiet tal-familji u tipprovdi soluzzjonijiet prattiċi. Il-medjazzjoni mhijiex biss pass legali, hija opportunità biex nibdlu l-kunflitt f’kollaborazzjoni u npoġġu lit-tfal fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.
Jekk naħdmu flimkien, nistgħu nibnu sistema li mhux biss issolvi t-tilwim, iżda li ssaħħaħ il-familji u tagħti futur aħjar lit-tfal tagħna.

