Monday, December 23, 2024

“Nibqa’ ffukat fuq il-politika tal-fatti… se nżommu l-kelma tagħna”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ix-xogħol li qed nagħmlu bħala tim fuq it-trakka tal-karozzi qed jagħtina wisq sodisfazzjon. Kemm hu sabiħ li taħdem ma’ tant entużjasti li jħaddnu wkoll ċertu professjonalità”. Hekk beda biex jgħid is-Segretarju Parlamentari għall-Isports Clifton Grima b’reazzjoni għal dak li qal aktar qabel id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.

Grima kompla biex jgħid li huwa sfors din il-ħidma li d-deputat Toni Bezzina prova jitfa’ dubju fuq ix-xogħol li għaddej b’kollaborazzjoni mal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsports. Żied li din l-istqarrija ta’ Bezzina turi li għadu ma fehemx kemm dan it-tim huwa differenti minn dak fl-oppożizzjoni. 

“Aħna meta nagħtu kelma, nibdew nwettquha minnufih. Il-Perit Bezzina għadu lanqas induna li l-pjanti tat-trakka diġà daħlu għand l-Awtoritá tal-Ippjannar. Meta jkollna l-permessi meħtieġa jibda x-xogħol minnufih u din il-faċilità tkun lesta fi żmien 18-il xahar”, saħaq Grima.

Grima jkompli li l-Oppożizzjoni wisq mhedija fil-partiġġjaniżmu. Tipprova tkeskes interess kontra ieħor minflok tiddiskuti bis-serjetà l-proposta dwar trasport tal-massa li għamlu l-esperti internazzjonali ARUP. Proposta indipendenti li l-gvern fetaħ għad-diskussjoni biex eventwalment il-pajjiż jieħu d-deċiżjonijiet li jemmen li jkun jaqbillu. 

Is-Segretarju Parlamentari tenna jgħid li se jibqa’ ffukat fuq il-politika tal-fatti; Dik li permezz tagħha tfassal proġett li minnu jgawdi kulħadd u li diġa’ bdiet il-ħidma biex jiġi implimentat. 

Waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Perit Toni Bezzina allega li l-art illi ftit tal-ġimgħat ilu, il-gvern ħabbar illi fuqha se jibni trakka tal-motorsports, tinsab immarkata fil-pjanijiet għall-metro bhala Preferred Option sabiex tintuża bħala Maintance Depot. 

Ekonomija

Sport