Wednesday, October 9, 2024

Nibqgħu ffukati lejn obbligi ambjentali quddiem il-fenomenu taż-żieda fil-livell tal-għoli tal-baħar

– Il-PM jindirizza Laqgħa Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti

Aqra wkoll

“Ma nistgħux immorru lura minn obbligi li qbilna dwarhom flimkien u rridu nibqgħu ffukati lejn operat ekonomiku nadif li għandu jwassal għall-għan ta’ tnaqqis ta’ grad u nofs fit-temperatura skont il-Ftehim ta’ Pariġi”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela meta fi New York waqt li qed titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, indirizza Laqgħa Għolja tal-Plenarja tan-Nazzjonijiet Uniti.

Din il-laqgħa dwar iż-żieda fil-livell tal-għoli tal-baħar ġiet indirizzata wkoll mill-President tal-Assemblea Ġenerali Dennis Francis u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres. F’kuntest li dan il-fenomenu hu theddida reali anki għar-reġjun tal-Mediterran, il-Prim Ministru Robert Abela rrikonoxxa li anki jekk il-pajjiżi madwar id-dinja jibqgħu konformi mal-pjanijiet kontra t-tisħin globali, il-fenomenu taż-żieda fil-livell tal-għoli tal-baħar jibqa’ sfida ewlenija. Qal li għalhekk l-isforzi ta’ kulħadd huma importanti għax din hi sfida ta’ theddida għall-umanità inġenerali.

Il-Prim Ministru Malti spjega kif din hi sfida li tolqot lil kulħadd anki b’mod ekonomiku. Saħaq li Stati żgħar fosthom gżejjer bħal Malta qegħdin fuq quddiem li jaffaċċjaw din l-isfida b’mod aktar immedjat. Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif fl-ewwel opportunità tal-Presidenza Maltija f’dan it-terminu ta’ sentejn bħala Membru Mhux Permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, Malta tellgħet fuq l-aġenda l-isfida tal-bidla fil-klima anki partikolarment fejn jidħol il-fenomenu taż-żieda fil-livell tal-għoli tal-baħar. Qal li llum huwa sodisfatt li pajjiżna kkontribwixxa biex din it-tema hi fuq nett tal-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti.

Dr Abela qal li pajjiżna se jibqa’ jappoġġja d-diskussjoni dwar l-indirizzar bis-serjetà taż-żieda fl-għoli fil-livell tal-baħar. “Irridu naġixxu flimkien illum qabel għada”, iddikjara l-Prim Ministru fl-indirizz tiegħu. Qal li bħala komunità internazzjonali jrid ikollna qafas legali b’saħħtu li jindirizza anki dan il-fenomenu għax dan hu aspett li jrid anki jwassal għal ordni internazzjonali meta għandek interessi differenti minn diversi pajjiżi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport