“Pajjiżna għamel passi ’l quddiem fil-kura ta’ pazjenti b’mard tal-qalb iżda rridu nibqgħu nappoġġjaw u ninvestu mhux biss fl-infrastruttura medika iżda anki fit-taħriġ kontinwu tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa biex nieħdu ħsieb pazjenti li jeħtieġu intervjenti mid-Dipartiment tal-Kardjoloġija.” Dan kien sentiment importanti li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta indirizza konferenza organizzata mis-Soċjetà Maltija tal-Qalb li ġabet flimkien għadd ta’ professjonisti, fosthom anki kirurgi rinomati internazzjonali.
Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Prim Ministru Abela innota l-investiment f’għadd ta’ innovazzjonijiet fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija li huwa fl-interess tal-ġid komuni permezz ta’ kura tal-ogħla livell lill-pazjenti. Innota kif bl-investiment fit-teatri tal-kardjoloġija, mat-3,400 pazjent irċievew kura ta’ kwalità. Dr Abela nnota wkoll kif is-sena l-oħra mal-120 persuna sarulhom interventi kardjologi fil-valvi tal-qalb mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent iżjed invażiv f’organu vitali fil-ġisem tal-bniedem. Interventi oħra fl-isptar Mater Dei fissru li pazjenti Maltin ma kellhomx il-bżonn jintbagħtu barra minn pajjiżna għall-kura.
F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Abela fisser il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa bħala ħolqa kruċjali u importanti biex isalvaw il-ħajjiet u rringrazzjahom ta’ ħidmiethom b’dedikazzjoni liema bħalha. Qal li l-irwol importanti li jaqdu akkumpanjat mal-investiment f’tagħmir iżjed modern u li jindirizza sitwazzjonijiet kumplessi waslu biex pajjiżna naqqas bin-nofs ir-rata ta’ mwiet ta’ persuni b’mard tal-qalb. Il-Prim Ministru qal li dan ma jfissirx li għandna nieqfu hawn hekk kif il-prevalenza tal-mard tal-qalb titlob li tibqa’ tiġi indirizzata.
Kien hawn li l-Prim Ministru rrimarka favur taħriġ kontinwu tal-professjonisti, inkluż tal-infermiera u ħaddiema tas-saħħa li jaħdmu fil-qasam u li issa qed igawdu minn kundizzjonijiet u dħul aħjar wara ftehim kollettiv storiku ffirmat. “Nibqgħu ninvestu f’dak li jagħti kwalità ta’ ħajja u li jgawdu minnu n-nies u l-komunità mhux b’inqas fil-qasam tas-saħħa li huwa tant importanti għal kulħadd”, saħaq il-Prim Ministru Abela.
Il-Prim Ministru qal li flimkien ma deċiżjonijiet strateġiċi f’dan il-qasam hemm oħrajn li jittieħdu fi spirtu ħolistiku fosthom investiment favur iżjed spazji miftuħa u kampanji edukattivi kontra l-obeżità li lkoll jikkontribwixxu favur il-prevenzjoni tal-mard tal-qalb. Huwa temm jirringrazzja wkoll lill-kardjologu Dr Robert Xuereb li waqt it-tmexxija tiegħu tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija kompla jirreġistra suċċessi favur il-pazjenti.