Saturday, December 21, 2024

NIBQGĦU NIPPROTEĠU L-BAJJIET F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Mhux darba jew tnejn li minn dawn il-kolonni sħaqna fuq l-importanza li l-bajjiet tagħna jinżammu ndaf. Dan għat-tgawdija tal-familji Maltin u Għawdxin iżda wkoll tat-turisti li jżuru dawn il-gżejjer.

Dan l-aħħar iżda ġie rrapportat li reġa’ tfaċċa slime fil-baħar, partikolarment fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien. Is-Sindku tal-Qala nnifsu għamel appell imqanqal biex tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward.

F’filmat li tella’ fuq il-midja soċjali, Pawlu Buttigieg wera dak li kien hemm fil-bajja, li spiċċa biex ħoloq inkonvenjent għan-nies li jmorru jgħumu hemm u dan minbarra l-ħsara ambjentali li kienet qiegħda ssir b’dan it-tniġġis fil-baħar.

Grazzi għall-ħidma immedjata tal-awtoritajiet lokali, fuq quddiem l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, kienet ikkordinata ħidma ta’ tindif fejn il-Federazzjoni tal-Fish Farmers ġiet mqabbda tiġbor is-slime u taddaf l-ammont ta’ żjut li ċappasa ir-ramel. Dan kollu bi spejjeż tal-Federazzjoni u taħt is-sorveljanza tal-uffiċjali tal-ERA.

Nemmnu li bajja pittoreska bħal Ħondoq ir-Rummien, li riċentament ġiet ukoll protetta wara l-iffirmar tad-dokumentazzjoni finali tal-Local Plan Review, għandha tibqa’ tiġi mħarsa bl-aħjar mod possibbli. L-istess kif għandu jsir f’bajjiet oħra u jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta.

L-impenn tal-ERA jibqa’ tali li tieħu azzjonijiet immedjati fil-konfront ta’ min jinqabad iħammeġ, kif għamlet f’dawn l-aħħar jiem. U fejn hemm bżonn tieħu azzjonijiet ulterjuri, anke permezz ta’ multi amministrattivi fejn issib ksur ta’ kundizzjonijiet tal-permess ambjentali.

Dan kollu jorbot ukoll mal-investiment li qed isir biex dawn il-bajjiet jinżammu fi stat tajjeb kemm ambjentali kif ukoll għall-għawm tan-nies. Jidher li l-awtoritajiet huma konxji ta’ dan tant li t-tindif fuq il-bajjiet isir b’mod regolari u anke f’ħinijiet li ma jiddisturbawx is-serenità ta’ min ifittixhom.

Fil-fehma tagħna iżda r-responsabbiltà għaż-żamma tajba tal-bajjiet ma taqax biss fuq l-awtoritajiet imma anke taqa’ fuq in-nies li jkunu f’dawn l-istess bajjiet. Għalhekk nemmnu li kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-bajjiet huma ta’ kulħadd u kulħadd għandu dritt li jgawdihom filwaqt li jkollu aċċess ħieles għalihom.

Ekonomija

Sport